Lokali Saħħa

“Il-Gvern Laburista insensittiv mal-infermiera” – MUMN

“Provajt minn kollox tant li kellna diversi laqgħat iżda li ma waslu għal imkien. Għandna Gvern insensittiv quddiem dan kollu.”

Hekk stqarr il-President tal-MUMN, Paul Pace meta kien qed jispjega għalfejn il-Union waslet biex issejjaħ azzjonijiet industrijali wara li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jinjora l-bżonnijiet tal-infermieri u l-qwiebel.

Fuq l-istazzjon 103, Paul Pace spjega kif din is-sitwazzjoni, li ilha għaddejja għal snin sħaħ, hi sitwazzjoni li qed jesperjenzaw ta’ kuljum. Bi pressjoni kbira fuq il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

“Mhix sitwazzjoni ta’ ġurnata ħażina imma sitwazzjoni ta’ kuljum,” qal Pace. “U għalhekk in-nies qed jgħażlu li jitilqu.”

Il-President tal-MUMN spjega kif is-sitwazzjoni tant hi tal-biki li l-ħaddiema mhumiex ilaħqu mad-domanda tax-xogħol… filwaqt li pajjiżna qed jesperjenza barranin li jiġu Malta sempliċiment għall-prattika u wara ċertu żmien jitilqu għal opportunitajiet aħjar.

“Meta tiġi ġurnata tajba forsi jkollok erba’ ħaddiema, li diġa’ huma ftit ħafna, aħseb u ara meta tiġi ġurnata fejn naraw inqas ħaddiema,” qal Pace. “Għax l-infermiera jridu jieħu l-leave, li anke dik hi sfida għalihom għax biex jieħdu ġurnata leave jridu jsibu replacement. U dan barra li ħaddiem minn kull erba’ huma barranin. Iżda xorta qed nesperjenzaw nuqqas kbir ta’ madwar 400 infermier.”

U mhux talli l-Gvern Laburista m’għandux flus għall-professjonisti tas-saħħa iżda qed jagħżel li jumilja lill-infermieri u l-qwiebel. Dan apparti li qed jinjora anke l-bżonnijiet tal-pazjenti Maltin.

“L-ebda sala li ġiet mgħaluqa għar-rinnovazzjoni f’dawn l-aħħar 8 snin ma ġiet miftuħa mill-ġdid,” qal Pace. “Dejjem jinstema’ fil-budget tal-Gvern imma qatt ma ngħata perjodu meta dawn se jkunu qed jitlestew.”

Paul Pace rrefera għall-każ skandaluż ta’ Steward, fejn sostna li l-Gvern Laburista għażel li jberbaq il-miljuni minflok jinvesti fis-settur tas-saħħa.

Intant, fi stqarrija mid-Deputati Nazzjonalisti Stephen Spiteri, Ian Vassallo, Ivan Castillo kif ukoll Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista kien hemm kundanna cara għall-mod li bih il-Gvern qed jitratta lil dawn l-impjegati fil-qasam tas-saħħa.

Il-PN qal illi biex jitħanżru huma, Robert Abela u sħabu jsibu flus, imma għall-infermieri, il-qwiebel u l-professjonisti tas-saħħa m’għandux. U din hi konferma oħra ta’ kif il-Gvern ta’ Robert Abela għandu l-prijoritajiet tiegħu ħżiena.