Lokali

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti jiddefendi lil Rosianne Cutajar

Kollox jindika li wara li ġew żvelati ċ-chats bejn Yorgen Fenech u d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar…id-Deputati Laburisti ġew ordanti jirrepetu l-istess risposta – li għandhom fiduċja assoluta fuq id-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru.

Fiċ-chats li ġew pubblikati mill-blog ta’ Mark Camilleri, ħareġ b’mod ċar li Rosianne Cutajar aċċettat rigali mingħand in-negozjant Yorgen Fenech. Barra minn hekk, hija ftaħret li lesta titħanżer bil-konsulenzi għaliex fil-Gvern kulħadd qed jitħanżer.

Affaċjat b’dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela ilu ġimgħa sħiħa jiddefendi lir-Rosianne Cutajar tant li sal-lum għadha membru parlamentari.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti wara li pprova jaħrab mill-mistoqsijiet ta’ Net News qalilna biss li m’għandu xejn xi jżid ma dak li qal il-Prim Ministru filwaqt li prova jbiddel is-suġġett fir-risposti tiegħu.

Barra minn hekk, meta mistoqsi aktar minn darba jekk hux komdu li Rosianne Cutajar ma tkeċċietx mill-pożizzjoni tagħha …irrepeta li hu għandu fiduċja assoluta fil-Prim Ministru.

Kif rajna din il-ġimgħa, mhux id-deputati kollha tal-Grupp Parlamentari Laburista jħossuhom komdi b’din is-sitwazzjoni – partikolarment il-Ministru tal-Finanzi illi deher verament skomdu meta saqsejnih fuq dan is-suġġett. B’membri oħra tal-Gvern jevitaw kompletament li jmissu ma’ din it-tema.