Futbol Sport

L-Arġentina tegħleb lill-Panama fl-ewwel logħba wara t-Tazza tad-Dinja

(Ritratt: EPA)

Fi Buenos Aires, iċ-champions tad-dinja l-Arġentina lagħbu l-ewwel logħba tagħhom wara t-trijonf li kellhom fil-Qatar u kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra l-Panama. Quddiem folla kbira ta’ iktar minn tmenin elf partitarju, l-Arġentina kellhom jistennew sal-aħħar minuti biex jaċċertaw mir-rebħa.

Il-logħba kienet festa tal-Arġentina hekk kif il-partitarji setgħu jiċċelebraw f’din l-ewwel logħba wara r-rebħ tat-titlu. Kien Thiago Almada li fetaħ l-iskor fit-78 minuta meta kompla għal ġewwa f’xibka vojta wara li freekick ta’ Messi ħabat mal-lasta. Lionel Messi kien iktar fortunat fl-aħħar minuta tal-logħba meta skorja direttament minn freekick ieħor.

Dan kien ukoll gowl storiku għal Messi hekk kif kien it-800 gowl fil-karriera brillanti tiegħu. Messi qed jiġri wara rekord ieħor hekk kif jinsab gowl biss ‘il bogħod milli jiskorja l-100 gowl bil-flokk tat-tim nazzjonali Arġentin.

Messi li għandu 35 sena mistenni jagħmel dan meta l-Arġentina tilgħab kontra Curacao nhar it-Tlieta.