Lokali

Mudell artistiku se jispiċċa jinqered minħabba nuqqas tal-Gvern

Mudell ta’ ferrovija bbażat fuq il-mezz ta’ trasport li kien jintuża’ fi żmien is-servizzi Ingliżi, magħmul kollu mill-kartun, se jispiċċa jinqered… hekk kif il-Gvern Laburista qed jinjora l-appelli ta’ artist wara wegħdiet li saru fl-aħħar snin.

Net News iltaqa’ mal-artist ta’ din il-ferrovija, Stephen Bonello li spjega magħna kif fis-snin li għaddew, hu kien ġie mwiegħed li mhux se jġiegħluh joħroġ il-mudell mill-maħżen li jinsab fih qabel isibu post ieħor… iżda issa marru lura minn kelmthom.

“Silvio dak iż-żmien kien qalli li se jsibli post u ma joħorġunix qabel ikolli fejn inpoġġih, imma issa l-affarijiet inbidlu,” qal Bonello.

Stephen Bonello spjegalna kemm dan il-mudell fisser xogħol ta’ sigħat sħaħ u b’hekk hi ħasra li xi ħaġa unika bħal din tinqered darba għal dejjem.

“Dan monument li kien sar għall-Military Imtarfa fl-2016,” qal Bonello. “Kien ħadli mal-500 siegħa minħabba li kelli naqta’ mal-100 biċċa kartun biex iffurmajt mudell ta’ ferrovija eżatt kif kienet fil-verità.”

Hu kompla jispjega magħna li l-pjan hu li din il-ferrovija titpoġġa fi Ġnien l-Istazzjoni, f’Ħ’Attard, li bħalissa jinsab għaddej minn manutenzjoni.

“Kulma qed nitlob biex għalissa ma jkollix għalfejn inċaqalqu qabel il-ġnien f’Ħ’Attard ikun lest,” qal Bonello.

Stephen Bonello qalilna kif din mhix l-ewwel darba li ġie mwiegħed li jipproteġu xogħolu bħala artist. Fil-fatt, huwa kien ġie mwiegħed miċ-Chairperson tal-Valletta Cultural Agency, Jason Micallef li l-mudell tal-ferrovija se tiġi esebita bħala parti mill-Valletta 18… iżda ħadd iżjed ma kellmu tant li xogħolu ġie injorat.

“Ħassejtni mbarazz għax jien wara kollox artist bħal ħaddieħor,” qal Bonello “Biex issa ħallejniha hawnhekk.”

Meta wieħed jara t-talent ta’ dan l-artist… u l-futur tal-biki li hemm maħsub għall-ferrovija… ma tistax ma titbikkimx għal dak li pajjiżna possibilment se jitlef.

“Jien artist bħal ħaddieħor,” qal Bonello. “Nixieq nagħmel iktar mudelli imma ma jtukx kuraġġ.”