Internazzjonali

Roberta Metsola tindirizza lill-istudenti fl-Università ta’ Harvard

L-aspriazzjonijiet, ix-xewqat u l-iskopijiet komuni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, għandhom jixprunaw
rabtiet ekonomiċi, soċjali u ta’ sigurtà iktar b’saħħithom. Dan ikun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej u għal
dawk tal-Istati Uniti. Jibbenefikaw lit-tnejn.

Dan qalitu l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt diskors li għamlet f’Harvard University. Hi
ġiet mistiedna tindirizza lill-istudenti f’Cambridge, l-Istati Uniti. Il-President Metsola qalet li t-tiġdid tal-alleanza transatlantika huwa kruċjali biex nindirizzaw ir-realtajiet ġodda u perikolużi ħafna li qed jiffurmaw fis-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna.

Il-President Metsola żiedet tgħid li bħalissa, fl-Ewropa u fl-Istati Uniti qed naraw kif dawn ir-realtajiet qed
jintużaw biex jerġgħu iqajmu l-kwistjoni ta’ identita’ politika. Dan f’tentattiv li jintrebħu l-elezzjonijiet billi
jappellaw għal elementi estremi u xejn feliċi. Roberta Metsola kompliet li hawn min qed jipprova jitfa’ t-tort
fuq ħaddieħor, fosthom fuq deċiżjonijiet li jsiru fl-Unjoni Ewropea jew fl-Istati Uniti.

“Din hi tattika antika li m’għandhiex l-għan li ssolvi l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nies.”

Hija qalet li jeħtieġ nirribattu din in-narrattiva u ma nħallux lis-soċjetajiet tagħna jiddependu fuq nuqqas ta’ informazzjoni.

Il-President Metsola żiedet tgħid li jeħtieġ li jinbena mill-ġdid iċ-ċentru tal-ispettru politiku. Dan biex ikun forza
politika favur bidla pożittiva madwar id-dinja. Hi sostniet li l-moderazzjoni studjata u l-qbil mhumiex kunċetti
antikwati – anzi huma l-unika triq ‘il quddiem.

Il-MEP Maltija rreferiet għall-kampanja ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Qalet li l-bidliet li ġabet l-Unjoni
Ewropea fuq is-soċjetà, il-komunitajiet, l-istandards, l-ekonomija u l-ambjent kien sostanzjali. Żiedet li meta
tħares lejn l-Ukrajna, lejn il-Moldova, lejn il-Balkani tal-Punent – taf kemm is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u dak
kollu li ġġib magħha hija kwistjoni eżistenzjali għan-nies f’dawk il-pajjiżi.

Roberta Metsola saħqet li meta nitkellmu dwar l-‘isfida għar-rilevanza u l-valuri’, rridu nifhmu li għal miljuni, il-kunċett tal-Ewropa jfisser kollox. Mhijiex sempliċiment destinazzjoni. Huwa stil ta’ ħajja u mod ta’ għixien.

“Dan hu l-mument tagħna – l-mument biex nisħqu fuq il-bżonn u l-valur tad-demokrazija u l-multilateraliżmu.
Jien konvinta li nistgħu naslu.”