Futbol Sport

“Se nagħmel xi tibdiliet kontra Malta… Qed nistenna partita diffiċli” – Roberto Mancini

(Ritratt: EPA)

Lejliet il-paritta bejn Malta u l-Italja, il-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan Roberto Mancini indirizza l-media, fejn stqarr li qed jistenna partita diffiċli kontra t-tim nazzjonali Malti, speċjalment jekk it-tim Taljan idum ma jiftaħ l-iskor. Mancini qal li l-partiti f’dan il-grupp huma kollha partiti kkumplikati fejn mistenni jagħmel diversi tibdiliet mill-ewwel ħdax li lagħbu kontra l-Ingilterra, fl-iStadio Diego Armando Maradona, f’Napli, nhar il-Ħamis. Dan hekk kif bosta plejers lagħbu numru ta’ partiti matul dan l-istaġun mal-clubs rispettivi tagħhom.

Flimkien ma’ Mancini kien preżenti jindirizza l-ġurnalisti il-midfielder ta’ Roma Bryan Cristante, li kien mistoqsi dwar il-kritika li rċieva l-attakkant Mateo Retegui, plejer li jilgħab fl-Arġentina, li ġie newtralizzat bħala plejer Taljan. Cristante qal li dan il-plejer żagħżugħ irid jingħata ċ-ċans li jintegra fit-tim fejn stqarr li jista’ jagħti kontribut lit-tim nazzjonali Taljan. B’reazzjoni għal dan irrrimarka wkoll il-kowċ Mancini, fejn stqarr li l kontroversja madwar Retegui hija waħda bla bżonn, fejn la darba hu jitgħallem il-lingwa Taljana, jkun f’pożizzjoni aħjar li jkompli jikber fit-tim nazzjonali.

Mancini ikkonferma li d-difensur Leonardo Spinazzola se jkun qed jirritorna fit-tim. Mancini naqas milli jikkumenta dwar il-kritika tal-attakkant Taljan Mario Balotelli b’rabta mar-rimarka tal-istess Mancini li qal li hemm nuqqas ta’ attakkanti Taljani disponibbli biex ikunu magħżula mat-tim nazzjonali.