Lokali

“Tal-Labour telgħu fil-poter biex jitħanżru” – Bernard Grech

“Telgħu fil-poter biex min jitħanżer l-iktar. Belgħu u kielu kollox. Ħadu kollox. Daħlu fil-poter biex jieħdu kollox u jsiru sinjuri.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li kellu fuq ir-radju 103 flimkien mal-Professur Andrew Azzopardi meta kienu qed iwieġeb domandi dwar iċ-chats li għaddew bejn Rosianne Cutajar u n-negozjant Yorgen Fenech.

Bernard Grech qal illi Robert Abela huwa Prim Ministru dgħajjef u li qed jibża’ jindirizza l-iskandli fi ħdan il-Gvern tiegħu stess.

“Għalhekk Robert Abela ried Kummissarju tal-Pulizija li ried hu biex ma jinvestigax lil ċerti persuni,” qal Grech. “”Il-Pulizija qiegħda hemm biex tinvestiga liż-żgħir mhux lill-kbir.”

Biex issa, pajjiżna spiċċa jara persuni fil-poter li jagħmlu li jridu – filwaqt li ż-żgħir ibati għalihom.

“Mela huma jitħanżru u jridu lin-nies jissikkaw iċ-ċintorin,” qal Grech.

Matul din l-intervista, il-Kap tal-PN wieġeb id-domandi kollha li sarulu, fosthom dwar l-immigrazzjoni u anke l-ambjent – fejn irrefera għall-abbużi li qed isiru, u l-qerda tal-lokalitajiet tagħna.

“L-ambjent għalina ma jfissirx biss li nagħmlu erba’ siġriet imma jfisseri fuq il-livelli kollha,” qal Grech.

Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista hu differenti fid-dawl ta’ tmexxija korretta bħala obbligu lejn il-poplu Malti u Għawdxi…filwaqt illi saħaq li Robert Abela mhux qed imexxi l-pajjiż skont il-bżonnijiet tal-Maltin.

“Robert Abela mhux fuq in-naħa tal-poplu,” qal Grech. “Tħoss arja differenti li n-nies xebgħu. Qed jgħarfu li Robert Abela qiegħed hemm biex jipproteġi lill-kriminal.”

Intant, fil-bidu tal-programm, il-Professur Andrew Azzopardi kkonferma li baghat stediniet anke lill-Prim Ministru ghal intervista fuq dan l-istazzjon. Iżda Robert Abela għadu ma aċċettax.