Internazzjonali

YEMEN: Minn mument għall-ieħor super tanker jista’ jisplodi

Ritratt: Sky News

Skont uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti, hemm biża’ li super tanker ankrat ‘il barra mill-kosta tal-Yemen u li fih aktar minn miljun barmil ta’ żejt “x’aktarx li jegħreq jew jisplodi”.

Dan jista’ jwassal għal diżastru ambjentali u umanitarju. Il-bastiment ġie abbandunat hekk kif il-pajjiż tal-Lvant Nofsani kien fi gwerra ċivili fl-2015 u issa qed jibda jaqa’ biċċiet.

Il-koordinatur umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Yemen, David Gressly, qal  li din mhix kwistjoni ta’ ‘jekk’, imma hi kwistjoni ta’ ‘meta’, u għalhekk huwa importanti li jaġixxu malajr kemm jista’ jkun.

Jekk jiġri hekk, fi ftit jiem jistgħu jingħalqu l-portijiet ewlenin tal-Baħar l-Aħmar, u b’hekk tintemm f’daqqa l-għajnuna tal-ikel li jistrieħu fuqha kważi sitt miljun ruħ.  Il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet tal-fjuwil tieqaf ukoll, u dan jaffettwa mat-tmien miljun ruħ fil-Yemen li jiddependu fuq pompi jew trakkijiet li jaħdmu bil-fuel biex jiksbu l-ilma.