Lokali

Editorjal Times: “Fis-sodda ma’ Yorgen Fenech”

L-istess persuna li kien midħla sew ta' numru ta' membri tal-Labour, fosthom Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Rosianne Cutajar

Fl-aħħar jiem il-midja kollha xegħlet biċ-chats bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech – messaġġi illi kkonfermaw ir-rigali li ħadet id-deputat Laburista minghand dan in-negozjant, meta kien diga’ maghruf li huwa s-sid tal-kumpanija sigrieta 17 Black.

Fl-editorjal tal-Ħadd, it-Times tat stampa dettaljata tal-istejjer kollha li jduru madwar Yorgen Fenech, mill-bidu ta’ tmexxija Laburista sal-lum.

L-ewwel każ imur lura għal meta Fenech ried iġedded il-liċenzja tal-casino, bl-avukat tal-Malta Gaming Authority li tapprova l-applikazzjonijiet, li kiteb hi stess l-ittra biex dan iseħħ. Hawn, l-editur fakkar kif Yorgen Fenech ħallas il-vjaġġ kollu mill-bidu sal-aħħar lejn Las Vegas lill-istess uffiċjal tal-Awtorità u saħansitra lill-persuna li tmexxi l-istess Awtorità, Joseph Cuschieri… wara pjaċir li kien sar lilu miż-żewġ persuni msemmija.

Dawn il-każi kienu l-bidu – sa fejn nafu s’issa – għal dak li kien ġej ‘il quddiem.

Wara, kien imiss lil Fenech ikellem lil CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar, Johann Buttigeg għal opportunitajiet ta’ żvilupp fil-propjetà… b’Buttigieg jgħidlu li hu dejjem se jkun hemm għalih biex jaqdih fin-negozju.

U eventwalment, ħarġet anke l-istorja kollha relatata mal-kumpanija sigrieta 17 Black…id-deal tal-Electrogas…. u d-deal skandaluż tal-Montenegro li daħħal il-miljuni minnu.

L-editur isemmi ukoll ic-chat bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech… chat li baqgħet għaddejja sa ġimgħat qabel Fenech ġie arrestat fuq kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.

It-Times tghid li l-lista ta’ tixħim min dan in-negozjant hi ferm itwal minn din, u l-gazzetta tfakkar ukoll fil-festin ta’ għeluq snin Muscat fiż-żmien meta kien diġa’ beda jkun investigat bl-involviment tiehghu fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Intant, il-Malta Independent on Sunday tat ħarsa lejn din l-aħħar sena ta’ Robert Abela fit-tmexxija, mir-rebħa elettorali. Bil-gazzetta tgħid li l-Labour illum qisu partit mitluf f’nofs ta’ baħar – specjalment issa wara l-ħruġ ta’ dan ic-chats ta’ Rosianne Cutajar, u l-iskandlu tal-isptarijiet.