Franċiż ta’ 27 sena tilef ħajtu wara li waqa’ minn fuq jet ski fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fejn kelliem għall-Pulizija kkonferma li flimkien mal-ġuvni kien hemm ukoll tfalja Franċiża ta’ 25 sena. Jidher li għal xi raġuni mhux magħrufa, iż-żewġ żgħażagħ inqalbu minn fuq il-jet ski bil-konsegwenza li l-ġuvni sofra xi ġrieħi.
Huma ngħataw l-assistenza minn persuna li kien b’dinghy fil-viċinanzi u ġiet imsejħa l-assistenza medika minħabba li l-ġuvni kien mitluf minn sensih.
Immedjatament il-ġuvni ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal iktar assistenza fejn sfortunatament ftit tal-ħin wara tilef ħajtu. Jidher li t-tfajla ma sofriet ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin, filwaqt li l-Maġistrat Brigette Sultana ħatret inkjesta maġisterjali.
//= $special ?>