Lokali

Grupp ta’ żgħażagħ joħolqu l-kumpaniji tagħhom

Grupp ta’ żgħażagħ ngħaqdu flimkien biex jibdew kumpaniji żgħar u eventwalment ibigħu l-prodotti tagħhom fid-daħla tal-Belt.

Din l-attività saret minn JA Malta Foundation biex tgħallem lil studenti ta’ bejn is-16 u s-17-il sena kif jibdew negozju tagħhom u l-aħjar mod biex ibigħu l-prodotti li jkunu ħolqu. B’kollox kien hemm 18-il kumpanija bi 18-il prodott li kienu għall-bejgħ lil dawk kollha li żaru l-istands.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Matthew Caruana spjegalna li din l-attività għandna l-għan li tagħti l-opportunità lil grupp ta’ żgħażagħ biex jifhmu aħjar kif kumpanija taħdem fil-ħajja ta’ kuljum.

Dan il-programm ħaseb biex jagħti lil dawn l-istudenti ċ-ċans li joħolqu idea għan-negozju tagħhom, jaħsbu l-aħjar mod biex jiġbdu lill-konsumatur lejn il-prodott tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar ibigħu l-prodott li jkunu ħolqu.

JA Malta ilhom itellgħu din l-attività għall-aħħar 30 sena tant li saret xi ħaġa annwali. L-istudenti, barra li jkollhom l-opportunità li jbigħu l-prodotti tagħhom, jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-aqwa prodott, bir-rebbieħa jkollhom iċ-ċans li jipparteċipaw f’attività internazzjonali fil-Latvja.

Preżenti għall-attività kien hemm fost l-oħrajn il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola li dahret kull stand tal-istudenti biex tapprezza x-xogħol li sar minnhom.

Ritratti: Matthew Tabone