Lokali

“Il-Gvern ta’ Robert Abela u sħabu nesa liż-żgħir” – Bernard Grech

"Pajjiżna għandu Prim Ministru li għadu jiddefendi l-ħniżrijiet kollha li għamel il-Labour f’dawn l-aħħar 10 snin"

“Il-Gvern ta’ Robert Abela u sħabu nesa liż-żgħir… Abela dgħajjef u qiegħed hemm għall-kbir u mhux għaż-żghir u mhux għall-pazjent.”

Kien dan il-qofol tad-diskors li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu indirizza attività politika li saret fil-gżira Għawdxija.

Huwa qai li l-Isptar ta’ Għawdex… l-uniku sptar tal-Għawdxin… il-Labour tah lill-barranin.. lil dawk li serquna iktar minn  400 miljun ewro u ma għamlux ewro investiment.

Sostna li l-Għawdxin kemm-il darba jkollhom jinżlu Malta għal servizzi tas-saħħa li jkunu anke vitali. Fejn hawnhekk jidher ċar kemm il-ħadma tal-Labour fil-qasam tas-saħħa kienet ħadma mingħajr l-iċken kuxjenza.

Bernard Grech qal li qed jiżdiedu il-persuni li qed ikollhom jirrikorru għall-privat biex jagħmlu l-operazzjonijiet li għandhom bżonn. Iżda min ma jaffordjax li jagħmel dan, qed isibha ferm diffiċli biex jieħu s-servizz tas-saħħa li għandu bżonn. Dan kollu huwa turija ċara ta’ kemm Gvern Laburista abbanduna liż-żgħir.

Il-Kap tal-PN fakkar li tliet ġimgħat ilu, għamel stedina lill-PM biex jiftaħ il-kawża lil Steward u Vitals biex iġib lura l-flus li tawhom mingħajr ma kellħom id-dritt li jieħdu.

Bernard Grech qal li Abela seraqna għax kien ħaġa waħda mal-kbar. Abela li kien jiddefendi d-deals korrotti kollha li għamel il-Labour f’dawn laħħar 10 snin anke meta kien konsulent legali ta’ Kastilja.  Meta sar Prim Minsitru, Abela għamel kull ostaklu biex Adrian Delia ma jġibx lura l-ispatijiet għand il-poplu.

Sostna li pajjiżna għandu Prim Ministru li jibża’ mill-verità għax ma jridx li ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia…. Jibża’ mill-verità li ħarġet meta ġew ippubblikati ċ-chats bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-imprenditur Yorgen Fenech.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech appella lill-poplu biex kulħadd jaħdem flimkien biex Malta tkun verament tagħna lkoll.