Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Jitlob aktar għajnuna minn barra għall-offensiva ‘tar-rebbiegħa’

Il-President tal-Ukrajna,  Volodymyr Zelensky, talab mill-ġdid biex pajjiżu jingħata aktar appoġġ militari mingħand l-Alleati tal-Punent. Dan wara li jiem ilu, xi 18-il pajjiż kienu ffirmaw ftehim biex jitwasslu talanqas miljun balal tal-artillerija lill-Ukreni fi żmien sena.

Madankollu, Zelensky, waqt intervista lill-media Ġappuniża, għamilha ċara li l-Ukrajna ma tistax twettaq kontro-offensiva kontra l-qawwiet Russi li qegħdin jokkupawlha z-zoni tal-lvant qabel ma jaslilha aktar munizzjon.

Zelensky informa lill-gazzetta Yomiuri Shimbun li mhux se jibgħat lit-truppi jiġġieldu mingħajr aktar artillerija, tankijiet tal-gwerra u rocket-launchers tat-tip Himas filwaqt li sostna li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna tal-Lvant ‘hi waħda inkwetanti’.

Hu għaldaqstant ħeġġeġ biex il-pajjiżi sieħba jżidu l-appoġġ militari mill-aktar fis waqt li fakkar li l-‘l-Ukrajna tinstab fi stat ta’ gwerra u ma tistax tistenna’. Il-President Ukren saħaq ukoll  li ‘kollox jista’ isir dment li jkun hemm tassew ir-rieda politika’.

Fl-aħħar ġranet kien hemm ħafna diskors li l-Ukrajna kapaċi twettaq offensiva kontra l-qawwiet Russi fl-artijiet tagħha ladarba tidħol sew ir-rebbiegħa. Dan ukoll fost għajdut li l-offensiva tista’ tkun ‘imminenti’, bil-kmandanti militari jindikaw li l-azzjoni kapaċi ssir ‘minn ġurnata għall-oħra’.