Għawdex Lokali

“Id-deal tal-isptarijiet kienet l-akbar ħadma fl-istorja politika ta’ pajjiżna” – Chris Said

“Il-Gvern Laburista qed jistħi jgħid li ilu 10 snin fil-Gvern għaliex matul dawn l-10 snin il-Labour tħanżer.”

Dan sostnieh id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Chris Said fid-diskors tiegħu waqt l-attività politika li saret fir-Rabat Għawdex.

Chris Said saħaq li l-isptarijiet kienet l-akbar ħadma fl-istorja politika ta’ pajjiżna fejn l-aktar li nħadmu huwa l-poplu Malti u Għawdxi. Huwa fakkar li taħt Gvern Nazzjonalista infetħu diversi sptarijiet privati għaliex mhumiex kontra l-investiment fil-privat. Said qal li dawn it-3 sptarijiet mhux inbigħu imma ngħataw fejn wara ċ-ċanfira tal-Qorti l-Prim Ministru kompla jiddefendi b’saħħa lil Steward u Vitals.

Huwa qal li f’dan id-deal ma sar l-ebda investiment fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaliex it-teatri tal-operazzjonijiet, l-emerġenza fost affarijiet oħra kollha saru taħt Gvern Nazzjonalista. Said qal li skont il-ftehim li kien bejn il-Gvern u Stewrad kellhom jibnu sptar ġdid f’Għawdex ta’ 400 sodda…sptar li kellu jkun lest sal-2018…sptar li l-Gvern ħallas għalih minn qabel mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

Id-Deputat Chris Said sostna li l-aħħar proġett għall-anzjani f’Għawdex kien taħt Gvern Nazzjonalista u kienet propju id-Dar Sant’ Anna f’Għawdex.

Huwa qal li kollox juri li l-Partit Laburista qabad it-triq għan-niżla fejn hawnhekk huwa għamel appell lill-Poplu Malti li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem qatigħ għaliex flimkien jintlaħqu l-aħjar riżultati possubli.