Internazzjonali

Il-Libanu: Żewġ ‘time zones’ dovuti għad-diżgwid politiku…

Ir-residenti fil-Libanu ma jistgħux isibu tarf tal-konfużjoni dwar il-ħin tas-sajf fost tilwima bejn l-awtoritajiet politiċi u reliġjużi dwar il-ħin meta l-arloġġi suppost li jitmexxew b’siegħa ‘il quddiem.

Għaldaqstant, il-Libanu spiċċa maqsum f’żewġ ‘time zones’ –bl-Aġent Prim Ministru Lebaniż, Najib Mikati, li hu Musulman mill-komunità tas-Sunni, iħabbar li l-arloġġi kienu se jkunu regolati ‘il quddiem fl-aħħar tar-Ramadan, ix-xahar id-dieħel, u bħala pass li jippermetti biex il-Musulmani jtemmu l-perjodu tas-sawm ftit qabel is-soltu.

Madankollu, l-awtoritajiet Kristjani fil-Libanu insistew biex ‘is-siegħa ‘il quddiem’ tibda tapplika mill-aħħar Ħadd ta’ Marzu (illum), l-istess bħalma sar fl-aħħar snin, u bin-negozji fil-pajjiż jaqblu li jagħmlu l-istess.

Il-kwistjoni dwar it-‘time zones’ rispettivi tirrifletti d-diżgwid profond f’pajjiż fejn il-gruppi Kristjani u Musulmani kienu ġġieldu gwerra ċivili li ġebbdet mill-aħħar tas-sebgħinijiet sas-snin tmenin. Dan ukoll meta fil-Libanu hemm il-gruppi reliġjużi li jibbażaw il-politika tagħhom fuq it-twemmin Kristjan u oħrajn fuq l-ideoloġija Musulmana.

Mikati ma provda l-ebda raġuni għad-deċiżjoni biex jitfa’ lura ż-żmien tad-‘daylight saving’ fil-Libanu sa nofs-il lejl tal-20 ta’ April. Intant, ħafna kummentaturi jemmnu li l-Aġent Prim Ministru qed jipprova jkabbar il-popolarità tiegħu waqt ir-Ramadan, ix-xahar qaddis għall-Musulmani li beda fit-22 ta’ Marzu u jdum għaddej sal-21 ta’ April.

Madankollu, il-Knisja tal-Kristjani Maroniti deċidiet biex tinjora d-dikjarazzjoni ‘sorpriża’ ta’ Mikati – l-stess bħall-organizzazzjonijiet ewlenin u xi stazzjonijiet tal-aħbarijiet fil-Libanu li kollha mexxew l-arloġġ ‘il quddiem għall-ħin tas-sajf.