Għawdex Lokali

“Il-poplu Malti u Għawdxi huwa mxebba minn Gvern Laburista” – Alex Borg

“Il-poplu Malti u Għawdxi huwa mxebba minn Gvern Laburista u l-poplu ma jistax jibqa’ għaddej kif inhu.”

Dan sostnieh id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-attività politika li saret fir-Rabat Għawdex.

Waqt id-diskors tiegħu huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għaliex baqa’ ħafna xogħol xi jsir. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista kien il-partit li bena sisien sodi f’dan il-pajjiż.

Huwa qal li għalkemm kien hemm tkabbir ekonomiku qatt ma rajna differenza bejn iż-żgħir u l-kbir għaliex iż-żgħażagħ xorta għadhom qed jitilqu pajjiżna u l-familji mhumiex qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Alex Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fuq in-naħa tas-sewwa kif ukoll li jħaddan politika b’viżjoni u politika għal kulħadd mhux għal dawk tal-qalba. Huwa qal li l-isptarijiet ngħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi grazzi għall-ħidma tad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia flimkien mal-Partit Nazzjonalista.

Barra minn hekk, huwa saħaq li l-klinika fir-Rabat Għawdex ilha mwiegħda 5 snin iżda din il-klinika qatt ma waslet. Anzi, l-Għawdxin qed ikollhom jinżlu Malta għal ċertu servizzi mediċi għaliex is-servizzi f’Għawdex naqqsu matul is-snin.

Alex Borg sostna li issa wasal il-mument għal Gvern alternattiv b’viżjoni li taħseb f’kulħadd, fiż-żgħażagħ, fl-anzjani, fil-vulnerabbli u kif ukoll fil-familji għaliex il-poplu Malti u Għawdxi kollu jixraqlu ħajja aħjar. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun ta’ tama għall-Maltin u l-Għawdxin.