Internazzjonali

Ir-Russja: Lejn l-istazzjonar tal-armi nukleari fil-Belarus…Putin jiċħad għall-‘ksur tal-ftehim’

Il-komunità internazzjonali tinsab fuq allert wara li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, żvela li pajjiżu għandu jistazzjona l-armamenti nukleari tattiċi fil-Belarus li hu l-akbar alleat tar-Russja f’dak ir-reġjun tad-dinja.

Intant, il-Gvernijiet tal-Punent qed jikkunsidraw il-kontro-miżuri potenzjali anki jekk Putin qal li dan il-pass mhux se jseħħ b’abbuż tal-ftehim li jevita l-proliferazzjoni (żieda rapida) tal-armi għall-qerda tal-massa. Hu fil-fatt qed iqabbel dan il-pass mal-‘azzjonijiet tal-Istati Uniti’ kulmeta tiddeċiedi biex tqiegħed l-armamenti simili fl-Ewropa.

Ir-reġim fil-Belarus, immexxi mill-President Alexander Lukashenko, hu sostenitur kbir tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin u Putin, fl-aħħar sigħat, fakkar li Lukashenko  ilu ‘joffri’ biex pajjiżu jservi bħala bażi għall-armi nukleari inkwistjoni.

Hawnhekk Putin reġa’ dawwar id-diskors fuq l-Istati Uniti u qal li din il-potenza ilha l-għexeren tas-snin tuża lill-Istati alleati biex tistazzjona l-armamenti nukleari madwar l-Ewropa.

Il-pjan ta’ Moska hu biex tlesti l-kostruzzjoni ta’ faċilità għall-armi nukleari tattiċi, fil-Belarus, sal-1 ta’ Lulju li ġej. Dan meta l-Belarus qed taqsam fruntiera twila mal-Ukrajna, kif ukoll mal-Polonja,il-Litwanja u l-Latvja li huma kollha membri tan-NATO.

Vladimir Putin qed jgħid ukoll li numru żgħir ta’ sistemi ‘Iskander’ li kapaċi jisparaw il-missili nukleari  diġà spiċċaw ittrasfriti lejn il-Belarus. Intant, hu ma speċifikax meta l-armamenti nukeari tattiċi se jintbagħtu lejn l-Istat alleat — u ladarba dan iseħħ tkun anki l-ewwel darba li Moska tkun ibbażat l-armi nukleari tagħha barra r-Russja min-nofs is-snin disgħin ‘il hawn.

Il-kroll tal-Unjoni Sovjetika komunista, fl-1991, kien ifisser li l-armamenti spiċċaw ibbażati f’erba’ Stati indipendenti u li kienu r-Russja, l-Ukrajna, il-Belarus u Kazakhstan – bit-trasferiment tal-warheads kollha li-Russja jkun konkluż fl-1996.

Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti qalet, ftit ilu, li mhix tara raġuni urġenti għalfejn għandha tibdel il-politika tagħha ‘minn aspett nukleari’.