Għawdex Lokali

“Kieku ma waqfux il-kuntratti ma’ Steward kulħadd kien jinsteraq €20,000” – Adrian Delia

“Fid-deal li sar ma’ Vitals u Steward kull persuna f’Malta u Għawdex insterqet €2,000 u li kieku ma waqfux dawn il-kuntratti kull individwu kien jinsteraq €20,000”

Dan sostnieh id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt id-diskors tiegħu fl-attività politika fir-Rabat Għawdex.

Adrian Delia qal li d-dejn kollu li għandna f’pajjiżna sar wara li l-Gvern berbaq miljuni ta’ ewro fejn minn dan id-dejn ftit li xejn sar investiment f’pajjiżna.

Huwa spjega li l-Gvern ingħata €700 miljun mill-fond ewropew għal proġetti ambjentali…flus li kellhom jintefqu f’7 snin. Huwa saqsa; fejn hu l-investiment fl-ambjent? Fejn jistgħu jieħdu nifs uliedna?

Delia saħaq li hawn nuqqas ta’ investiment f’Għawdex u li l-Għawdxin lanqas biss jistgħu jaħdmu f’pajjiżhom imma jkollhom isibu impjieg f’Malta. Huwa qal li l-Gvern tal-Labour ħataf l-isptarijiet mill-poplu Malti u Għawdxi u tahom lill-barranin. Dan mhuwiex biss defecit ta’ €400 miljun imma defecit fis-settur tas-saħħa.

Hawnhekk, Adrian Delia saħaq li dan m’għadux pajjiż normali għaliex min jagħmel il-ħażin qed jiġi proteġut kif ukoll li l-Partit Laburista tradew lil pajjiżna. Delia saħaq li permezz tal-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi biss nistgġu nuru li int jixraqlek aħjar.