Futbol Sport

L-Ingilterra jiksbu t-tieni rebħa fil-kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 kontra l-Ukrajna

(Ritratt: EPA)

Ingilterra v Ukrajna 2-0

Fi Grupp Ċ, it-tim Nazzjonali Ingliż kiseb it-tieni rebħa konsekuttiva tiegħu fil-kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 b’rebħa kontra l-Ukrajna bl-iskor ta’ 2-0 wara li rebħu barra darhom fl-ewwel partita kontra l-Italja.

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed sabiex jagħtu t-tlett punti għal 3 Lions, b’ Harry Kane jiftaħ l-iskor fis-37 minuta b’xutt mil-lemin minn kross preċiż tal-attakkant ta’ Arsenal Saka.

L-Ingilterra ma damux ma rduppjaw l-iskor hekk kif tlett minuti wara, din id-darba Bukayo Saka kkonkluda ġol-lasta hu nnifsu b’xutt angolat minn barra l-kaxxa minn pass tal-midfielder Jordan Henderson.

Kazakhstan v Danimarka 3-2

Minn Grupp H, riżultat sorprendenti għall-aħħar hekk kif Kazakhstan għelbu lil Danimarka bl-iskor finali jkun 3-2.

Kazakhstan dawwru telfa f’rebħa b’tlett gowls fl-aħħar 20 minuta.

Danimarka fetħu l-iskor wara biss 21 minuta logħob permezz ta’ Rasmus Hojlund. L-attakkant ta’ Atalanta sab ix-xibka b’xutt ċentral minn pass preċiż ta’ Kjaer.

Danimarka għamluhom tnejn fis-36 minuta bl-istess Rasmus Hojlund hekk kif kiseb id-doppjetta persoali tiegħu b’konklużjoni bil-lemin minn ġol-kaxxa ż-żgħira.

Danimarka daħlu għal-ħin tal-mistrieħ b’vantaġġ ta’ żewġ gowls.

Kazakhstan ħasdu lil-avversarji tagħhom hekk kif skurjaw gowl fit-73 minuta. Bakhitiyar Zaynutdinov kien l-awtur tal-gowl meta sab ix-xibka minn penalty minn handsball kommess minn Wind.

Kazakhstan kisbu d-draw fis-86 minuta permezz ta’ Askhat Tagybergen li kkonkluda tajjeb minn barra l-kaxxa minn pass ta’ Islamkhan.

Ftit minuti wara Kazakhstan kisbu l-vantaġġ u skurjaw il-gowl li kellhu jwassal għar-rebħa, b’din id-darba Abat Aymbetov iniżżel ismu mal-iskorers permezz ta’ daqqa ta’ ras minn kross ta’ Vorogovskiy.

Fil-ħin addizzjonali Kazakhstan spiċċaw jilgħabu b’ għaxar plejers hekk kif Abat Aymbetov irċieva t-tieni karta safra tiegħu wara li kkometta foul fuq Billing.

Lussemburgu v Portugall 0-6

Fi Grupp J, rebħa komda għall-Portugall kontra il-Lussemburgu bl-iskor finali jkun ta’ 6-0.

4 gowls fl-ewwel taqsima, bl-ewwel plejer li jniżżel ismu mal-iskorers ikun il-fenomenu Cristiano Ronaldo wara biss 9 minuti logħob minn suġġeriment ta’ Mendes.

Gowl ieħor ħames minuti wara b’din id-darba Joao Felix isib ix-xibka b’daqqa ta’ ras preċiża minn kross tal-midfielder ta’ Manchester City Bernardo Silva.

It-tielet gowl wasal ftit minuti wara hekk kif Bernardo Silva għeleb lil-goalkeeper Moris b’daqqa ta’ ras minn pass ta’ Palhinha.

Fil-31 minuta Cristiano Ronaldo kiseb id-doppjetta personali tiegħu b’xutt bix-xellug minn ġol-kaxxa bil-pass finali jasal minn Bruno Fernandes.

B’hekk it-tim Nazzjonali tal-Portugall daħal għal ħin tal-mistrieħ bl-iskor ta’ 4-0.

Tieni taqsima iktar kwieta għall-Portugall, madankollu xorta rnexxielhom isibu x-xibka, hekk kif din id-darba kien Otavio li skurja minn pass tal-attakkant prominenti ta’ Milan Rafael Leao.

Gowl ieħor din id-darba mis-sostitut Rafael Leao li skurja s-sitt u l-aħħar gowl għat-tim Portugiż minn suġġeriment ta’ Neves.

Riżultati:

Grupp Ċ: Malta v Italja 0-2, Ingilterra v Ukrajna 2-0
Grupp H: Kazakhsan v Danimarka 3-2, Slovenja v San Marino 2-0, Irlanda ta’ Fuq v Finlandja 0-1
Grupp J: Liechtenstein v Iżlanda 0-7, Lussemburgu v Portugall 0-6, Slovakja v Bosnja H. 2-0