Internazzjonali

L-Istati Uniti: Jikkalkulaw l-istraġi tat-tornado…Belt f’Mississippi kważi meqruda minn fuq il-mappa

L-Istati Amerikani tan-Nofsinar fl-aħħar sigħat ġarrbu l-agħar elementi dovuti għal tornado minn fost is-sensiela ta’ maltempati kbar u bla preċedent li laqtu lill-pajjiż fl-aħħar xhur, Intant, l-awtoritajiet fl-Istati ta’ Mississippi u Alabama ikkonfermaw talanqas 30 mejtin fost l-impatt tat-tornado, biċ-ċifra tal-vittmi għandha tiżdied aktar ma jgħaddi żmien.

L-awtoritajiet f’Mississippi iddikjaraw stat ta’ emerġenza, bl-iskwadri responsabbli minn ħidma ta’ search and rescue qed ifittxu għall-persuni rappurtati nieqsa.

Il-furja tat-tornado ħalliet l-akbar straġi fl-belt rurali ta’ Rolling Fork, f’Mississippi, li kważi nqerdet minn fuq il-mappa tal-Istati Uniti. F’din il-belt qed jgħixu madwar 2,000 persuna, ħafna minnhom fi stat ta’ faqar u dawn issa qegħdin jippruvaw jirristawraw xempju ta’ normalità fost ix-xeni apokalitiċi u wara li t-tornado qered kważi d-djar kollha f’dawn l-inħawi.

It-tornado beda jistraxxna lill-Istati tan-Nofsinar f’ħinijiet meta n-nies kienu reqdin u wara li huma ma semgħux il-messaġġi tal-allert. Jidher ukoll li n-nies indunaw biss bl-emerġenza wara li semgħu ‘il-ħsejjes terribbli tat-tifrik huma u jħossu t-tregħid tal-art’.

Il-Gvernatur ta’ Mississippi, Tate Reeves, żar lir-residenti fl-ibliet ta’ Silver City u Winona li wkoll ġarrbu ħsarat enormi mit-tornado. Intant, Reeves iddikjara sitwazzjoni ta’ diżastru rari għall-inħawi u sostna li l-awtoritajiet lokali se jagħmlu minn kollox biex jaslu r-riżorsi kollha meħtieġa għaz-zona.

Waqt li l-isforzi tas-search and rescue se jkomplu f’Mississippi, ‘il quddiem mistennija aktar maltempati fi bnadi ta’ Alabama u l-Istat ta’ Georgia.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden offra l-appoġġ tiegħu lir-reġjun affettwat u esprima solidarjetà mar-residenti fiz-zoni milqutin, li qal qegħdin jiffaċċjaw ċirkustanzi ta’ swied il-qalb. Dan fost konferma mill-White House li l-President Biden ordna biex tingħata l-għajnuna fuq livell federali lill-awtoritajiet li qed jippruvaw jirristawraw is-servizzi bażiċi u essenzjali lill-Istati mġarrbin.