Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal anzjan li ħadem logħob tan-nar bla liċenzja

Dilettant tal-logħob tan-nar ingħata sentenza sospiża wara li nqabad jimmanifattura materjali splussivi fuq propjetà privata tiegħu mingħajr il-liċenzja meħtieġa tal-pulizija. Carmel Farrugia, pensjonant ta’ 72 sena miż-Żurrieq tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu wara li ġiet skoperta proviżjoni mdaqqsa ta’ materjal splussiv ġewwa kamra li kellu ftit metri ‘l bogħod mill-fabbrika tal-logħob tan-nar tal-Karmnu fl-istess lokalità.

Jidher li r-raġel kien qed jipprepara logħob tan-nar għall-festa tar-raħal li din id-darba se taħbat fit-23 ta’ Lulju, iżda ma kienx awtorizzat legalment jagħmel dan fil-propjetà privata tiegħu. Inkjesta maġisterjali bdiet wara sejba, nhar il-Ġimgħa li għaddiet ta’ xi 80 biċċa ta’ oġġetti manifatturati illegalment fuq il-propjetà tiegħu.

L-anzjan kien akkużat li ħażen u mmanifatturat logħob tan-nar mingħajr il-permess meħtieġ tal-pulizija u wkoll li kiser l-ordinanza dwar l-isplussivi. Huwa rreġistra ammissjoni li kkonferma wara li ngħata żmien biżżejjed biex jerġa’ jaħsibha. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ikkundannat lill-akkużat sena ħabs sospiża għal sentejn. L-Ispettur James Mallia mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukati Lucio Sciriha u Roberto Spiteri kienu avukati difensuri.