Sport Sport Ieħor

Tennis: Cameron Norrie u Dan Evans jinqalgħu mill-Miami Open

(Ritratt: EPA)

Cameron Norrie u Dan Evans li huma kklassifikati bħala tnejn mill-aħjar plejers fl-Ingilterra inqalgħu mill-Miami Open fit-tieni rawnd.

Norrie li huwa kklassifikat bħala l-aħjar plejer Ingliż tilef l-isfida tiegħu kontra l-Franċiż Gregoire Barrere bl-iskor ta’ 6-3 6-2, filwaqt li Lorenzo Sonego għeleb lil Evans meta dawwar telfa f’rebħa fl-aħħar żewġ rawnds, bl-iskor finali jkun 6-4 3-6 2-6.

Alex de Minaur u Matteo Berrettini ukoll tilfu l-isfidi tagħhom, madankollu l-ikbar sorpriża fil-kompetizzjoni s’issa hija l-eliminazzjoni ta’ Coco Gauff li hija meqjusa bħala s-sitt l-aħjar plejer fid-dinja fil-kategorija tan-nisa, hekk kif tilfet kontra Anastasia Potapova.

L-Awstraljan De Minaur sofra telfa umiljanti kontra l-Franċiż Quentin Halys, bl-iskor ta’ 6-7 (5-7) 7-6 (7-3) 7-6 (10-8), filwaqt li Berrettini tilef kontra l-Amerikan Mackenzie McDonald bl-iskor ikun 7-6 (10-8) 7-6 (7-5).

Gregoire Barre li għeleb l-isfida tiegħu kontra Norrie issa se jikkompetti kontra Christopher Eubanks fit-tielet rawnd, li huwa kklassifikat fil-119-il post fil-klassifika dinjija.

Fuq nota oħra, Daniil Medvedev irnexxielu jerġa’ isib saqajh b’rebħa fit-tieni rawnd kontra Roberto Carballes, wara li tilef il-finali tal-Indian Wells il-ġimgħa li għaddiet kontra Carlos Alcaraz.