Lokali Qorti

Aktar minn seba’ snin ħabs għal ‘hold-ups’ fuq ‘delivery persons’

Żewġt irġiel ġew ikkundannati seba’ snin u ħames xhur ħabs bejniethom mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li nstabu ħatja li tliet snin ilu heddew tliet ‘delivery persons’ b’sikkina u serqulhom flus kontanti. Wieħed mill-irġiel għamel sikkina ma’ griżmejn wieħed mill-vittmi u heddu li se joqtlu. Każ ieħor kien fejn ‘delivery man’ ġie mhedded b’sikkina u nsterqulu l-flus li kellu f’pouch wara li l-kunsinna tiegħu kienet ta’ għaġin penne u mhux spaghetti.

Kersten Camilleri ta’ 33 sena mill-Belt ġie kundannat erba’ snin u ħames xhur ħabs filwaqt li Simon Camilleri ta’ 56 sena minn Bormla ġie kundanndat tliet snin ħabs wara li nstabu ħatja li heddew u serqu minn diversi ‘delivery persons’ tal-ikel waqt heddewhom b’sikkina. L-inċidenti seħħew fit-8, l-10, u l-14 ta’ April 2020 f’Bormla, Ħaż-Żabbar, u San Ġwann, li matulhom heddew tnejn minnhom b’ħajjithom biex jagħtuhom flushom.

Fl-10 ta’ April, l-irġiel heddew li joqtlu ieħor wara li wieħed minnhom argumenta li l-ordni li ngħatat ma kinitx dik li kien ordna hu, u hu ried penne minflok spaghetti. Fil-Qorti, semgħet rakkont ta’ kif wieħed mill-irġiel żamm sikkina ma’ griżmejn il-vittma, u qallu li jekk jgħajjat, joqtlu.

Wieħed mill-vittmi xehed kif fit-8 ta’ April meta mar biex jagħtihom l-ikel f’Bormla, dawn ħadulu l-‘pouch’ li fih kien hemm €530 u heddewh b’sikkina. Hu għamel rapport mal-Pulizija wara li jumejn wara, kien insteraq mill-istess persuni f’San Ġwann.

Xhud vittma ieħor qal kif fl-10 ta’ April, l-istess ġurnata meta nsteraq l-ewwel xhud, kien wassal ordni għand l-akkużati f’Ħaż-Żabbar u wieħed mill-akkużati beda jargumenta miegħu li l-ordni ma kinitx korretta għax ried penne u mhux spaghetti.

Meta x-xhud mar biex iċempel lill-imgħallem tiegħu, l-akkużat ħareġ sikkina ta’ madwar 20 ċentimetru u heddu li “jekk tgħajjat, noqtlok” u ordnalu jagħtih il-pouch. It-tielet xhud sostna kif fl-14 ta’ April mar iwassal ordni ta’ pizza fl-Isla u meta ltaqa’ mal-akkużat, dan qallu li diġà kien ħallas meta fil-verità ma kien ħallas xejn. Ftit sekondi wara, l-akkużat ħareġ sikkina u ordnalu jagħtih il-pouch.

Il-vittma pprova jiskappa lill-akkużat imma dan qabdu u ħadlu l-pouch. Kienet din is-serqa li wasslet sabiex iż-żewġ akkużati ġew arrestati. Il-Qorti qalet li hu ċar u evidenti li meta wieħed mill-vittma ta’ dawn ir-reati gie rinfaċċjat minn wieħed mill-imputati jew it-tnejn li huma b’sikkina ppuntata lejh dan jinkwadra perfettament mar-reat ta’ sekwestru.

Kersten Camilleri li uża sikkina fis-serqiet li saru fil-konfront ta’ wieħed mill-vittmi f’San Ġwann u Bormla, f’dik li saret fuq vitma ieħor f’Ħaż-Żabbar u dawk fil-konfront ta’ Simon Camilleri intużat sikkina biss f’dik ta’ San Ġwann. “Hu mmaterjali l-fatt illi s-sikkina ma nstabitx mill-prosekuzzjoni għaliex ħareġ ċar mix-xhieda esebiti illi ntużat sikkina u ngħatat deskrizzjoni tagħha li kienet sikkina ppuntata u twila.

Meta ġiet biex tikkalibra l-piena, l-Qorti ħadet kont fil-każ ta’ Kersten Camilleri l-fedina penali vasta tiegħu u tal-fatt illi huwa ma għamel xejn sabiex jipprova jirriabilita ruħu u għalhekk sabiex tikkawtela wkoll is-socjetà ingenerali mponiet piena karċerarja. Rigward Simon Camilleri ugwalment il-kondotta hi waħda kkulurita u l-Qorti ma tarax għaliex m’għandhiex tagħti wkoll piena karċerarja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Joanna Piscopo.