Lokali Qorti

Id-dewmien fil-Qrati qed ikisser il-ħajja ta’ tliet żgħażagħ

Id-dewmien bla bżonn fil-Qrati qed iwassal biex ħajjet tliet żgħażagħ qed jinħatfu mill-libertà tagħhom.

Kien fid-dawl ta’ dan li saru appelli biex l-awtoritajiet konċernati jagħtu prijorità lir-riżorsi nieqsa tal-Qrati biex iż-żgħażagħ involutu fil-każ tal-bastiment El Hiblu 3 u anke mijiet ta’ Maltin oħra li għandhom każijiet pendenti fil-Qorti jinqatgħu llum qabel għada.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Qorti issemma’ kif dawn iż-żgħażagħ ilhom mal-erba’ snin tilgħin u niżlin il-Qorti jistennew biex tinqata’ l-kawża li qed tkun meqjusa bħala waħda inġusta… fejn matul dawn is-snin kollha, huma diġa’ qattgħu mat-tmien xhur il-ħabs filwaqt li għadhom s’issa b’numru ta’ kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-Qorti.

Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm li huma ma jistgħux jibqgħu barra iktar mid-9 ta’ filgħaxija, ma jistgħux jersqu lejn l-ebda kosta jew bajja, u għandhom jiffirmaw l-għassa tal-Pulizija.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm fost l-oħrajn il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca illi fissret dan id-dewmien fil-Qorti bħala sitwazzjoni li qed tikser id-drittijiet tagħhom milli jgħixu ħielsa.

Lura f’Settembru li għadda kienet intbagħtet ittra ta’ petizzjoni lill-Avukat Ġenerali b’appell biex dan il-każ jitwaqqa’ minnufih hekk kif iż-żgħażagħ kulma għamlu kien li kkomunikaw mal-membri tal-ekwipaġġ biex isalvaw numru ta’ ħajjiet.

Mat-22 organizzazzjoni jinsabu wara dawn iż-żgħażagħ biex iwasslu messaġġ favur ġustizzja iktar b’saħħitha f’pajjiżna filwaqt li jingħataw il-libertà li jistħoqilhom.