Lokali

Il-BOV iħeġġeġ lill-klijenti joqħodu attenti biex jidentifikaw messaġġi qarrieqa

Il-Bank of Valletta qed iħeġġeġ lill-klijenti tiegħu biex joqgħodu attenti biex jidentifikaw id-diversi scams li bħalissa qed jiċċirkolaw lokalment. L-iscams huma mfassla biex iqarrqu lill-individwi sabiex jagħtu informazzjoni finanzjarja sensittiva bħal numri tal-kontijiet bankarji, passwords u dettalji tal-cards. Xi drabi, dawn l-iscams saħansitra jinkoraġġixxu lill-klijenti biex iwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji frawdolenti. 

Xi scams tipikament jinvolvu li jintbagħtu messaġġi foloz fil-forma ta’ SMSes li jidhru li joriġinaw minn istituzzjoni finanzjarja leġittima. Dawn il-messaġġi ġeneralment ikun fihom links li jwasslu għal websajt falza, fejn il-vittmi jiġu mħeġġa jagħtu informazzjoni sensittiva. Ladarba din l-informazzjoni tingħata, il-frodisti jkollhom aċċess għad-dettalji tal-kontijiet u l-passwords u eventwalment ikunu jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet frawdolenti mill-kontijiet tal-klijenti rispettivi. 

Wieħed mill-metodi li jużaw il-frodisti huwa li jinfurmaw lill-vittmi li l-card jew it-telefon tagħhom huma mblukkati għal raġunijiet ta’ sigurtà u jistednuhom jikklikkjaw fuq link li jwassal għal websajt falza. Scams oħra jitwettqu bit-telefon, minn frodisti li jidentifikaw ruħhom bħala impjegati ġenwini. Dawn l-iscams jistgħu jirriżultaw f’telf finanzjarju kif wkoll għal serq ta’ identità u forom oħra ta’ frodi. 

Allura kif wieħed jista’ jinduna bi scams bħal dawn? L-ewwel nett, huwa importanti li wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-Bank of Valletta ma jibgħatx SMSes li jkun fihom links għal websajts. Kwalunkwe telefonata minn impjegati tal-BOV ma titlobx għal numri speċifiċi ta’ kontijiet jew ta’ cards b’mod sħiħ, dettalji tas-CVV tal-card (it-tliet ċifri fuq in-naħa ta’ wara tal-card), PIN tal-card, passwords tal-internet jew tal-Internet Banking, passwords jew awtentikazzjoni. L-impjegati tal-Bank qatt ma jitolbu lill-klijenti jiżvelaw informazzjoni li twassalhom biex iwettqu transazzjonijiet finanzjarji bit-telefon. 

Il-Bank għandu tim ta’ Card Fraud Management li jimmonitorja tranżazzjonijiet suspettużi fuq attività tal-cards, jikkuntattja lill-klijenti kull meta jkun meħtieġ biex jivverifika t-tranżazzjonijiet li jseħħu fil-kontijiet tagħhom u jieħu azzjoni ta’ rimedju meta l-klijent ma jagħrafx it-tranżazzjonijiet. B’sostenn għal dan, il-Bank investa fl-aktar teknoloġija avvanzata li tissorvelja t-tranżazzjonijiet bil-cards f’ħin reali, biex b’hekk tgħin biex jiġu identifikati u mwaqqfa tranżazzjonijiet suspettużi hekk kif dawn iseħħu. 

Il-Bank of Valletta għadu kif nieda kampanja bl-isem ta’ Spot the Scam. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed nwasslu pariri u informazzjoni utli biex jiġu evitati attivitajiet frawdolenti bħal spoofing, emails ta’ phishing, telefonati foloz u serq ta’ identità. Wieħed jista’ jsegwi l-kampanja Spot the Scam fuq Facebook, Instagram, Twitter, u LinkedIn tal-Bank. Dan kollu huwa parti mill-isforzi tal-Bank biex jissalvagwardja l-interessi tal-klijenti u jgħinhom biex dejjem jibqgħu siguri.  

Il-Bank iħeġġeġ lill-klijenti biex dejjem ikunu kawti, speċjalment peress li dawn it-tip ta’ scams qed isiru aktar sofistikati. Il-klijenti huma mħeġġa biex ma jafdaw l-ebda siti li mhumiex uffiċjali u jaħsbuha darbtejn qabel ma jikklikkjaw fuq links jew jagħtu informazzjoni. F’każ ta’ dubju, il-klijenti jistgħu jikkuntattjaw lill-Bank fuq 2131 2020 immedjatament sabiex tkun tista’ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.