Internazzjonali

Il-Ġermanja: It-trasport pubbliku paralizzat waqt l-akbar strajk fis-settur

Is-sistema tat-trasport pubbliku fil-Ġermanja spiċċat paralizzata kważi għal kollox waqt li l-pajjiż qed jiffaċċja waħda mill-akbar azzjonijiet industrijali fis-settur għal għexieren ta’ snin.

L-azzjoni – imlaqqma ‘mega strajk’ u li hi ipprogrammata fuq 24 siegħa — bdiet ftit wara sbieħ it-Tnejn u fiha ħadu sehem il-ħaddiema tal-ajruporti, il-portijiet, il-karozzi tal-linja, il-ferroviji u s-subways.

Dan meta tnejn mill-akbar unions fil-Ġermanja qed jinsistu biex il-ħaddiema membri jingħataw żidiet sostanzjali fil-pagi biex huma jlaħħqu aħjar mal-ispejjeż tal-ħajja li aktar, kulma jmur, qed jiżdiedu.

Fl-aħħar jiem ukoll kien hemm numru ta’ azzjonijiet simili bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fiċ-ċivili iżda dawn ma sarux fuq l-istess livell tal-‘ mega strajk’.

Fil-fatt, l-azzjoni attwali ħalliet impatt kbir fuq l-iskedi tal-ferroviji, inklużi dawk li jaħdmu fuq ir-rotot reġjonali u  li huma mmexxija minn Deutsche Bahn; l-operatur nazzjonali għas-servizzi bil-ferrovija.

Fl-istess ħin, is-servizzi tat-trasport lokali, inklużi s-servizzi bit-tram u l-karozzi tal-linja, ukoll spiċċaw weqfin f’seba’ Stati tal-Ġermanja.