Lokali

Il-Kummissarju għas-Saħħa jappella għal soluzzjoni fis-settur tas-saħħa

Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman qed jappella lill-Ministeru għas-Saħħa biex minnufih jisma’ t-talbiet tal-membri tal-MUMN sabiex jaslu għal soluzzjoni li tirrispetta d-drittijiet u s-saħħa tal-professjonisti u l-pazjenti.

Dan sar permezz ta’ stqarrija li ħarġet ftit tal-ħin biss wara li l-MUMN sejħet konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja biex tispjega fid-dettal dak li l-infermiera u l-qwiebel ilhom ix-xhur u s-snin għaddejjin minnu… bil-Gvern Laburista mhux talli mhux jisma’ l-karba tagħhom, talli qed jagħżel li jinjorhom.

Il-Kummissarju għas-Saħħa qal illi jirrikonoxxi d-dritt fundamentali tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, inklużi l-infermiera u l-qwiebel, li jissieħbu f’azzjoni industrijali bħala mezz biex jesprimu l-ilmenti tagħhom u jfittxu riżoluzzjonijiet ġusti. Madanakollu, innota kif in-nuqqas tal-Gvern li jasal f’konsultazzjoni mal-MUMN qed iwassal għal xkiel lejn is-saħħa tal-pazjenti Maltin.

Il-Kummissarju fakkar liż-żewġ partijiet biex jidħlu fi djalogu miftuħ u kostruttiv biex isolvu lkwistjonijiet involuti.

L-istqarrija tfakkar kif il-ġid tal-individwi li jiddependi fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa Maltija għall-kura u l-appoġġ meħtieġ għandu jitqies bħala prijorità ewlenija tal-Gvern.

Il-Kummissarju għas-Saħħa ħeġġeġ lill-Ministeru u lill-MUMN biex jikkollaboraw bejniethom u jaslu għal soluzzjoni f’din il-kwistjoni tant sensittiva.