Lokali

Il-parlament isellem lil Edwin Grech; kien iħossu ttradut mill-Istat li qatt ma ssolva l-qtil ta’ Karin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li l-ex Ministru Edwin Grech kien iħossu tradut mill-Istat li qatt ma nqabad il-qattiel jew qattiela ta’ bintu Karin Grech.

Il-parlament sellem lill-ex Ministru Laburista Edwin Grech b’okkażjoni li fiha tkellmu l-Kap tal-Oppożizzjoni Brenrd Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-deputat Laburista Michael Farrugia.

L-ex Ministru Edwin Grech jiġu z-ziju tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u għalhekk Karin Grech tiġi l-kuġina tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan hu diskors diffiċli iktar minn meta mietu ommu u missieru u rringrazzja lill-Gvern għall-kondoljanzi li qed jesprimu lill-familja Grech.

Hu qal li għal ħafna nies, Edwin Grech kien missier Karin Grech, il-kuġina tiegħu; kien dak it-tabib li meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff talbu – meta kien fil-missjoni – biex jiġi Malta, fehem li pajjiżu kellu bżonnu u f’mument diffiċli ma ħares lejn xejn u għażel li jwieġeb għas-sejħa tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li għal ħafna nies Edwin Grech kien politiku u għal ħafna oħrajn kien il-Professur li ħa ħsiebhom speċjalment eluf ta’ nies li għenhom biex iwelldu lil uliedhom. Għal mijiet ta’ nies Edwin Grech kien kollega politiku u fil-qasam mediku kien kollega li kellu integrità li jaqdi d-doveri tiegħu b’imħabba.

Għal ftit nies, tmien persuni, kien iz-ziju tagħna, sostna Bernard Gerch, li kompla li għal żewġ persuni – Karin u Kevin – kien misiser waqt li għal Pearl, Edwin kien żewġha.

Bernard Grech qal li Edwin kien l-eroj tiegħu għaliex kien iz-ziju li salvalu ħajtu fit-twelid. Kien l-eroj tiegħi għaliex fil-familja ma kien hemm l-ebda professonijet u għalhekk kien l-uniku ziju li mar l-università, tgħallem u sar tabib u ddisktingwa ruħu b’eċċellenza.

Hu sostna li dan kien messaġġ li kulħadd jista’ jasal, sostna Bernard Grech, li kompla li l-qtil ta’ bintu Karin immarkalu ħajtu. Hu qal li kellu biss sitt snin u ma kinux ħadux fix-xena iżda ħuh kien ra lill-kuġina b’partijiet minnha neqsin, imgeżwra f’kutra f’idejn iz-ziju Edwin li kien jaf li bintu mhux se ssalva fl-isptar. Kont għadni kif sirt naf lil Karin tlett ijiem qabel fil-Milied fid-dar taz-zija għaliex kont rajtha l-ewwel darba peress li kienet boarder fl-iskola fl-Ingilterra; tliet ijiem wara Karin inqatlet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan kien mument li mmarka lill-familja kollha u sostna li ħafna mill-familja Grech tilfet il-fiduċja fil-politika. Ħafna minna konna nħossuna traduti mill-Istat u mill-pajjiż; konna naraw liz-ziju u lil missierna jiġu lura minn kull attività u jgħidu li qed jgħadduna biż-żmien għaliex Edwin kien iħoss li kien hemm min qed jagħmel minn kolox biex il-verità ma toħroġx.

Ta’ sitt snin bdejt nagħti każ x’qed jiġi madwari, sostna Edwin Grech, li kompla li Edwin qatt ma rkupra mill-qtil ta’ bintu għaliex kien iħoss li kien qisu t-tort tiegħu għax għamel ġest nobbli. It-tort kien tal-viljakki, kodardi u kriminali li ddeċidew mod ieħor. Jekk (intom li qtilu lil Karin) qed tisimgħu, jmisskom tistħu! sostna Bernard Grech.

Edwin għamel 45 sena jfittex il-verità daħal fil-politika għax kien jemmen li bil-politika jista’ jiskorpi l-verità iżda baqa’ ħajtu kollha dispjaċut u jħossu tradut li ħadd qatt ma sab min qatel lil bintu. L-uniku sodisfazzjon li kien fadallu kien li kien fetaħ kawża fil-qorti u li dak iż-żmien, kien stabbilit li dan kien qtil li sar fi klima mediko-politika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li ħadd ma jista’ jġib il Karin Grech lura u Edwin qatt ma jista’ jsir jaf il-verità u qal li l-politiċi għandhom jitgħallmu li meta jipprovaw jgħostru l-verità, hemm feriti li jistgħu jitwettqu qatt. Wara n-nuqqas ta’ ġustizzja hemm familja u familji li jibqgħu mweġġa’ u ma jisbux mistrieħ.

Hu obbligu tal-politiċi li jitgħallmu minn dawn it-traġedji nazzjonali biex il-verità toħroġ, il-ġustizzja ssir u li dawk kollha li jkunu qed ifittxu l-mistrieħ ikunu jafu min wettaq il-qtil, iwieġbu għal għemilhom u jmorru quddiem il-ġustizzja. Dan għaliex il-liġi għandha tkun hemm għal kulħadd l-istess, sostna Bernard Grech. Nitlob li l-mewt ta’ Karin Grech u d-dispjaċir ta’ Edwin Grech ma jkunux għalxejn, sostna Bernard Grech.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li lil Edwin Grech għamlulu l-agħar ħaġa li tista’ ssirlu għal “raġunijiet politiċi” u kompla li l-qtil ta’ Karin kien att terroristiku li sar fil-pajjiż.

Hu kompla li, wara dan l-att, l-għada tal-qtil, Edwin Grech xorta mar iwelled it-tfal f’San Luqa u xorta mar jgħallem lit-tfal u liż-żgħażagħ. Trid tkun ġgant biex tagħmel dan u tkompli tagħti s-servizz, sostna Chris Fearne.

Id-deputat Prim Ministru kompla li Edwin Grech ddeċieda li jiddedika ruħu għall-politika u kkontesta l-elezzjonijiet tal-1992 u l-1996 meta kien sar ministru Laburista. Edwin Grech jibqa’ msemmi fl-istorja politka għall-ġid kbir li għamel fil-politika.

Id-deputat Laburista Michael Farrugia qal li kien Edwin Grech li fil-mument l-aktar meħtieġ m’abbandunax lill-pazjenti Maltin u lill-istudenti. Hu sostna li kienet għaddejja ħidma biex l-istudenti jitilqu minn Malta fl-1977 iżda Edwin Grech m’abbandunax lill-istudenti. Michael Farrugia qal li Edwin Grech kien elett miegħu fl-1992 u fl-1996, meta kienu fl-istess kabinett tal-ministri tal-ex Prim Ministru Alfred Sant.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li Karin Grech inqatlet 20 ġurnata wara li hu nħatar Spettur tal-Pulizija u sostna li kien għamel ħafna xogħol fuq il-każ fuq livell ta’ distrett mal-Ispettur Charles Demicoli.

Hu sostna li Edwin Grech kien jitkellem dejjem fuq bintu u żied li kien inkwetat kif l-investigazzjonijiet ma kinux konklużi. Edwin Grech kien jaħdem ħafna biex iġib l-informazzjoni, sostna l-Ispeaker.