Lokali

Il-PN jitlob lill-MCCAA biex tinvestiga ksur tad-drittijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur mill-kumpanija ta’ Christian Borg

In-nuqqas ta’ rispett lejn id-drittijiet tal-ħarsien tal-konsumatur minn Christian Borg, li hu magħruf li għandu rabtiet ma’ Robert Abela, jeħtieġ li jkun investigat immedjatament.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Kelliem għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Rebekah Borg f’isem il-Partit Nazzjonalista. Kien irrapurtat li l-car hire-purchase business ta’ Borg iġġiegħel lill-klijenti jiffirmaw kuntratti li bihom jaċċettaw li l-karozza tagħhom jista’ jkollha apparat ta’ tracking installat. Dan possibilment jikser il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data. Dan isir biex il-vettura tkun tista’ tinġabar lura jekk il-kumpanija temmen li l-klijent qed jaġixxi b’negliġenza.

Minn rapurtaġġ fil-media ħareġ li numru ta’ klijenti qed jikkunsidraw azzjoni kollettiva u li aktar minn 70 klijent qed ifittxu parir legali dwar il-validità tal-kuntratti li ffirmaw meta xtraw vetturi second hand mill-kumpanija ta’ Borg.
Hu wkoll ta’ tħassib u inkwetanti ħafna kif il-Pulizija dehret li kienet taf bil-każ u ħallietu għaddej daqslikieku hi xi ħaġa komuni u li ssir ħafna drabi.

Kien rappurtat ukoll li l-mod kif inhi pprovduta l-assigurazzjoni mill-kumpanija ta’ Borg jista’ wkoll iħalli lil xi konsumaturi mhux koperti bil-liġi.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitlob formalment lill-MCCAA biex tinvestiga l-kumpanija ta’ Borg u kull kumpanija oħra ta’ kiri ta’ karozzi li tidħol f’termini kuntrattwali inġusti u illegali għad-detriment tal-konsumatur.