Fi kliem il-President tal-MUMN Paul Pace, il-vera vittmi tad-diżastru li għamel il-Gvern bid-deal ta’ Vitals u Steward huma l-pazjenti li qed imutu fil kurituri u l-infermieri li qed ibatu min-nuqqasijiet tal-Gvern.
Dan qalu l-istess Paul Pace meta dalgħodu sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, fejn fakkar kif l-MUMN ressqet 780 proposta f’dokument biex jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-infermieri – iżda għal dan is-settur, il-Gvern qed juri biċ-ċar li m’għandux flus. Filwaqt li għal Vitals u Steward tajjar €400 miljun f’deal li ġie kundannat mill-Qorti.
“Il-vittma huwa l-poplu li qed imut bla privatezza. Irrassenjaw ruħkom. Se tibqgħu tmorru fil-canteen, tinħaslu f’mobile toilet”, wissa l-President tal-MUMN.
Paul Pace fakkar illi kellha tkun kawża miftuħa mid-deputat Nazzjonalista Adrian Delia li wasslet biex ħarġet il-verità u sirna nafu kollox.
“Il-Gvern qalilna li għalina m’għandux flus”, spjega Paul Pace.
Hu ta rendikont tal-ħidma kbira li qed issir fl-isptarijiet fejn hemm nuqqas enormi ta’ staff. Bil-President tal-MUMN jgħid li xogħol ta’ sitt minn nies jagħmluh żewġ persuni.
“Ħaddieħor li seraq il-miljuni ħallewhom jagħmlu li jridu, imbgħad qed jipruvaw iħammġu lil min qed jagħmel xogħolu sew”, stqarr il-President tal-MUMN.
Mal-media, il-President tal-MUMN ta lista wkoll tan-nuqqasijiet serji minn naħa tal-Gvern fejn suppost kellu jsir investiment – ebda parkeġġ ġdid, Monte Carmeli li tħalla f’diżastru, outpatients li baqa’ kif kien, ebda investiment fis-swali ta’ Mater Dei; filwaqt li ta’ Steward ħadu l-miljuni.
//= $special ?>