Lokali

Il-Kummissarju tal-Istandards mitlub jinvestiga lil Rosianne Cutajar u lil Silvio Schembri

It-Tnejn filgħodu l-għaqda Repubblika ippreżentat żewġ ilmenti lill-Kummisarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika Joseph Azzopardi – waħda dwar allegati abbużi mill-Ministru Silvio Schembri kif ukoll oħra dwar l-allegat nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ dħul mill-Backbencher Laburista Rosianne Cutajar.

Il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina talab formalment lill-Kummissarju sabiex jinvestiga l-aġir ta’ Cutajar skont kif jitlob l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan għaliex ġie allegat, anke minn kuntratti ppubblikati saħansitra mis-sit The Shift News li d-Deputat Rosianne Cutajar ma ddikjaratx qliegħ mill-kuntratt ta’ konsulenza mal-ITS fl-2019…kif kienet obbligati li tagħmel.

Dan minkejja li mal-ġurnal Times of Malta Rosianne Cutajar insistiet li hija elenkat dak kollu li kien rikjest lilha.

Dan filwaqt li Robert Aquilina talab ukoll sabiex jiġi investigat l-aġir tal-Ministru Silvio Schembri hekk kif allegatament jista’ qed ikollu benefiċċji minn negozjanti u kuntratturi lokali li qed jagħtuh l-użu ta’ proprjetà tagħhom sabiex jagħmel uffiċċji politiċi.

Repubblika insistiet li dan l-aġir jista’ joħloq impressjoni li qed ikollu l-ġudizzju tiegħu kompromess jew inkella saħansitra jitpoġġa taħt obbligazzjoni mhux xierqa…bi-konsegwenza li jikser il-kodiċi tal-Etika.

The Shift News kien żvela fost oħrajn li l-uffiċċju tal-kostitwenza tiegħu li għandu f’Ħal Luqa…u li ammetta li jħaddem fih membri li jaħdmu fis-segretarjat privat tiegħu….uffiċju li jinsab f’bini ta’ kuntrattur u li ħadd ma huwa qed jgħid min qed iħallas għalih..u wisq aktar kif qed isir il-ħlas.