Internazzjonali

Iżrael: ‘Mhux se jippermetti gwerra ċivili’ fost il-jiem ta’ tensjoni

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu,ħ għamel diskors lin-nazzjon fejn qal li l-Gvern tiegħu qatt mhu se jaċċetta li Iżrael jispiċċa ċentru ta’ gwerra ċivili.  Hu wissa wkoll li l-Iżraeljani jridu janalizzaw sew is-sitwazzjoni li fiha qed jiffaċċjaw kriżi li thedded ‘verament’ lill-kunċett tal-għaqda nazzjonali.

Netanyahu kellu jagħmel dan id-diskors fost il-pressjoni tal-poplu biex hu jirtira r-riformi kontroversjali għas-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżu u li ilu jippromwovi għal dawn l-aħħar ġimgħat. Netanyahu fl-aħħar jiem insista li l-bidliet ippjanati lill-Ġudikatura għandhom iwaqqfu lill-qrati milli jeżerċitaw poter ‘eżaġerat’ — iżda l-kritiċi qed jgħidu li l-Prim Ministru kien qed jaħseb biss biex isalva ġildu, peress li jinsab taħt proċess għal korruzzjoni.

Netanyahu qal li l-Gvern, issa, se jipposponi t-tieni u t-tielet qari tal-abbozz dwar ir-riformi u li se jsiru fis-sessjoni parlamentari li jmiss ipprogrammata għax-xahar id-dieħel, Il-Prim Ministru sostna li d-dawmien hu relatat għal rieda biex jintlaħaq kunsens wiesgħa dwar l-abbozz.

Hu fl-istess ħin ħeġġeġ biex il-poplu jibqa’ responsabbli u ma jżidx mat-tensjoni tal-aħħar jiem li matulhom spikkaw diversi protesti ta’ rabja kontra l-abbozz.

Kważi kull parti tas-soċjetà Iżraeljana – inklużi membri tal-militar – ingħaqdu fil-protesti kontra l-abbozz fost id-dimostrazzjonijiet kontra l-aġir ta’ Netanyahu li fi tmiem il-ġimgħa kien keċċa lil Yoav Gallant minn Ministru tad-Difiża.

Gallant kien ipprova jipperswadi lil Netanyahu biex jiffriża l-pjan dwar il-Ġudikatura, bl-akbar protesti jsiru f’Ġerusalemm fejn il-pulizija u s-suldati sparaw il-kanuni tal-ilma biex iferrxu lill-folol li nġabru quddiem ir-residenza tal-Prim Ministru.

L-attivisti li qed imexxu l-protesti akkużaw lil Netanyahu b’li qed jaġixxi bħal dittatur u b’li qed jeqred is-sigurtà ta’ Iżrael. Ir-rabja qed tinħass l-aktar għaliex il-liġi ġdida li jrid iressaq Netanyahu għandha tagħmilha aktar diffiċli għall-qrati biex ineħħu Prim Ministru meqjus bħala mhux xieraq biex imexxi pajjiżu.

Fl-aħħar azzjonijiet spikkaw ukoll is-strajks mill-ħaddiema fl-ajruport ta’ Ben Gurion f’Tel Aviv u li wasslu għas-sospensjoni ta’ diversi titjiriet.