Lokali Qorti

Jeremie Camilleri beda joffendi lit-tobba u l-infermiera waqt li kien qed jiddewwa fl-isptar Mater Dei

Jeremie Camilleri li jinsab akkużat bil-qtil tal-mara Torka Pelin Kaya beda joffenda lit-tobba u lill-infermiera meta ttieħed bl-ambullanza l-isptar Mater Dei wara l-inċident f’Jannar li għadda. L-akkużat kien qed jaġixxi b’mod isteriku fejn beda joffendi wkoll lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li eskortawh l-isptar bl-ambulanza. Waħda mill-infermiera ta’ karnaġġon skur ukoll ġiet offiża minn Camilleri li għaddielha kumment razzist.

Dan xehdu s-Surġent Andrea Zahra li huwa stazzjoni mat-Taqsima tal-RIU meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Jeremie Camilleri ta’ 33 sena li jinsab mixli bil-qtil tat-Torka Pelin Kaya ta’ 30 sena wara li tajjarha fi Triq Testaferrata, l-Gżira. Huwa qal li fit-18 ta’ Jannar kien night duty u ġie infurmat għall-ħabta tas-1am li kien seħħ inċident fi Triq fi Testaferrata, l-Gżira. Tenna li hu ma kienx fuq il-post mill-ewwel, fejn xi ħadd qallu li kien inqala’ argument u kienu qed jitwaddbu xi ġebel.

Kif wasal fuq il-post kien hemm xi kollegi fejn pompa petrol u hemm ra BMW li kienet daħlet fil-kumpless tal-KFC. Hemm ra lill-akkużat li beda jgħid ħafna paroli. Dak il-ħin kien qed jiġi mdewwi fuq il-post minn xi ‘nurses’ ta’ Mater Dei u kien hemm ambulanza fejn hu kien immanettjat u deher li kien ta’ periklu u taħt effett ta’ xi sustanzi.

Ix-xhud qal li Camilleri ma bediex iwieġeb b’mod korrett u deher aggressiv ħafna fil-konfront tagħhom. Qal li kien Kuntistabbli kollega li nfurmah li r-raġel kien Jeremie Camilleri li Zahra qal li kien qed jgħaraf fl-awla. Wara l-akkużat ittieħed Mater Dei biex jiġi mdewwi u jsirulu xi testijiet.

Ix-xhud qal li hu eskorta lill-ambullanza minn Triq Testaferrata għall-emerġenza f’Mater Dei. Tenna li hu baqa’ aggressiv anke l-isptar, mhux biss mal-Pulizija, imma anke man-‘nurses’ u tobba. Beda jkellimhom ħażin fil-preżenza tiegħu. Tenna li baqa’ fil-post sakemm inbidel.

Ix-xhud qal ukoll li fejn kienet il-vittma kien hemm tobba kien qed jagħtuha n-nifs imma kien tard wisq minħabba l-ġrieħi li ġarrbet. Qal li Camilleri kif wasal hu fuq il-post kien diġa mmanettjat, u dejjem aggressiv. Ried ukoll iħoll il-manetti. “Beda jiċċalenġjana għal ġlied u minn hemm ġie eskortat lejn l-ambulanza. Kollega tiegħu qalli li beda jgħidilhom li se jsibhom barra, u jpattilhom u mhux se jinsihom”.

Is-Surġent Zahra qal li kien hemm xi kollegi li nfurmawh li xi persuni li għaddew mit-triq tal-inċident u ġew aggrediti bil-ġebel. Anke il-vittma bdiet taqla’ bil-ġebel, imma hu qalk ma ra xejn minn dan kollu, u dak li kien qed jgħid kien skont x’qalulu l-kollegi.

Siegħa fl-emerġenza fejn iddomina l-isteriżmu

Meta reġa’ għadda biex jitkellem dwar il-ħin li l-akkużat kien Mater Dei, ix-xhud qal li wara li għadda l-ħin u ġie trattat medikament beda jikklama xi ftit u ttieħed f’kamra oħra. Madankollu qal li l-aggressività tiegħu minn Triq Testaferrata għal Mater Dei damet għaddejja għal xi siegħha u nofs. Is-siegħa li għamel l-emerġenza kien isteriku, u beda jistieden lil kull min jara għall-ġlied.

L-Avukat Alfred Abela li qed jidher għall-akkużat staqsa jekk il-klijent tiegħu kienx ma’ l-art fit-triq, bix-xhud iwieġeb fl-affermattiv u jaqbel ma’ dak li qal l-Avukat li kien il-ħin kollu isteriku jgħajjar diversi persuni fosthom nurses u tobba. “Kien hemm nurse li offendiha bil-kulur tal-ġilda tagħha, qal is-Surġent, Tenna li Camilleri baqa’ mmanetjat għas-sigurta ta’ kulħadd u tenna li f’mumenti beda jaqa’ down.

Xehed ukoll il-Kuntistabbli Daniel Schembri qal li fit-18 ta’ Jannar fit-2.50am kien nfirmat li seħħ inċident fatali fejn il-KFC tal-Gżira. Sa dak il-ħin qal li ma kienx determinat jekk kiex inċident tat-traffiku jew omiċidju. Fit-3.15am kien fuq il-post bil-vittma u l-akkużat kienu ttieħdu diġa’ Mater Dei.

Tenna li raha karozza BMW maħbuta u waħda mill-pompi tal-petrol mqaċċta. Tenna li raha wkoll u ħafna debris. Fit-3.30am mar l-isptar jiltaqa’ ma kollegi tiegħu Pulizija tal-RIU, Kien raha lill-akkużat qed jiġi invistat minn tabib u lil Camilleri staqsih x’kien ġara.

“Lilek ma nkellmekx”, wieġbu fil-pront l-akkużat. Ix-xhud qal ukoll li hu kien infurmat li kien mar l-emerġenza l-għarus tal-vittma u team ta’ tobba minn Mater Dei kienu qalulu li l-għarusa tiegħu mietet. hu kien għadu jasal minn fuq titjira, kellu jiltaqa’ magħha għax kellha l-birthday.

L-għarus ta’ Pelin qalilhom li kienet għand il-ħbieb tagħha u kellhom jiltaqgħu half way . Qalilhom li kienet ilha sentejn Malta u kellha ħabiba tal-qalb. Hu qal lix-xhud li setgħu jitkellmu magħha u fil-fatt offrielu li jċempel lill-ħabiba tagħha u tah in-numru.

Wara nfurmawha li kienet involuta f’inċident u hi qaltilhom li kienet qattgħet lejla magħha, u li waslitha u kellha terġa toħroġ biex tiltaqa mal-boyfriend. Schembri qal li l-ħabiba tagħha qaltilhom li kienet eċitat biex tiltaqa’ mal-boyfriend tagħha biex iqattgħu l-birthday flimkien.

Ix-xhud qal li hu mar lura fuq il-post tal-inċident biex jaraw kif tista’ titneħħa l-vettura BMW. Kien wasal fuq il-post l-espert Dr Martin Bajada u raw filmati tal-Pompa and Roccio li weriet ċar il-karozza dieħla fil-KFC u wara persuna tittajjar, li sfortunatament kienet il-ġisem tal-vittma.

Stephanie Grech, uffiċjal tal-LESA, qalet li l-karozza BMW li kienet involuta fl-inċident kienet ingħatat ċitazzjoni ta’ overspeeding meta kienet qed tinstaq minn Birkirkara lejn id-direzzjoni ta’ l-Imsida, fejn qabżet l-ispeed bi ftit, ftit qabel nofs il-lejl, jiġifieri ftit qabel ma seħħ l-inċident.

Jeremie Camilleri ta’ 33 sena qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya, Torka ta’ 30 sena, f’Jannar li għadda. Iż-żagħżugħa, oriġinarjament minn Istanbul kienet taħdem bħala interior designer mal-kumpanija Onepercent f’Birkirkara.

B’kollox huwa qed jiġi mixli b’14-il akkuża. Camilleri qed jiġi akkużat li kkaġuna feriti gravi fil-konfront tal-vittma, li kkaġuna ħsara fil-ġisem tagħha, kkaġuna ferita ħafifa fuq ċertu John Muscat u persuni oħra, għamel ħsara f’pompa tal-petrol, saq karozza b’mod perikoluż f’post pubbliku meta kien taħt l-effett tad-droga u xorb alkoħoliku.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li attakka uffiċjali pubbliċi bi vjolenza,ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, kellu fil-pusses tiegħun d-droga kokaina u s-sustanza Diazepam u li kiser ordni ta’ probation. Camilleri kien qed isuq karozza tal-għamla BMW u tajjar lil Pelin Kaya, meta kienet miexja ħdejn il-pompa tal-petrol Paul & Rocco fi Triq Testeferrata għall-ħabta tas-siegħa ta’ nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Jannar.

Il-karozza BMW sewda misjuqa minn Camilleri baqgħet dieħla fir-ristorant KFC wara li għamlet ħsara f’pompa tal-petrol ta’ ħdejha. Is-sewwieq allegatament irriżulta pożittiv b’livelli għoljin għall-kokaina u l-alkoħol waqt testijiet li saru fl-Isptar Mater Dei wara l-inċident.

Għal Camilleri qegħġdin jidhru l-Avukati Akfred Abela u Renè Darmanin, il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods flimkien  ma’ l-Avukati Kylie Bonnett u Nathaniel Falzon mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard qed jidhru bħala parte civile għan nom tal-familja tal-vittma. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar it-Tnejn, 3 April fil-12.15pm.