Internazzjonali

L-Ingilterra: Rikors legali kontra d-Daily Mail mingħand il-Prinċep Harry, Elton John u oħrajn

Il-Prinċep Harry, id-Duka ta’ Sussex, għamel dehra sorpriża fl-Ogħla Qorti tal-Ingilterra waqt il-bidu ta’ proċedura legali li tinvolvi abbuż ta’ privatezza.

Il-Prinċep u individwi oħra – fosthom stilel magħrufin bħall-kantant Elton John u l-atturi Sadie Frost u Liz Hurley – qegħdin jixlu lill-Associated Newspapers Limited (l-ANL li tippubblika l-gazzetti Daily Mail u Mail on Sunday) dwar il-ġbir ta’ informazzjoni privata bil-mezzi illegali.

Intant, kelliema għall-ANL qed ifissru l-allegazzjonijiet bħala ‘kalunji infondati’.

Is-smigħ preliminarju fl-Ogħla Qorti se  jdum erbat ijiem u f’dan iż-żmien se jkunu kunsidrati l-argumenti legali kollha miġjuba quddiem il-qorti u sakemm Imħallef jiddeċiedi jekk il-każ jipproċedix għall-fażi li jmiss.

Filwaqt li l-ANL qed tipprova twaqqa’ il-każ, il-preżenza ta’ Harry fil-qorti kienet ‘espressjoni tad-determinazzjoni tiegħu’ biex jivvalida r-rikors inkwistjoni. Il-Prinċep u l-membri l-oħra tal-grupp kienu ressqu l-azzjoni legali s-sena l-oħra wara li saru jafu ‘li spiċċaw vittmi  ta’ (allegat) aġir kriminali u abbuż sfaċċat tad-drittijiet għal ħajja privata’ mill-istampatur tal-Mail u The Mail on Sunday.