Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża fuq qtil ta’ erba’ fjammingi

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri bidlet sentenza ta’ ħabs effettiv għal waħda ta’ sentenza sospiża fil-konfront ta’ żagħżugħ ta’ 24 sena, li f’Ottubru ta’ sentejn ilu ġie kkundannat sena ħabs wara li kien instab ħati li qatel erba’ fjammingi. Il-każ kien seħħ fit-2 ta’ Ottubru 2021 għall-ħabta tas-7.30am. ġewwa San Pawl il-Baħar.

Ir-raġuni ta’ din il-bidla fil-piena kienet li l-Qorti tal-Appell qieset li l-ispeċi mhix waħda f’periklu ta’ estinsjoni u hija migratorja. Miguel Zammit mill-Gżira kien instab ħati li fit-2 ta’ Ottubru tal-2021, qatel erba’ fjammingi li kienu qed itiru f’qatgħa ta’ ħamsa fl-inħawi tat-torri ta’ Fra Ben fil-ponta tal-Qawra.

Fil-qorti ngħad li mill-qatgħa, wieħed minnhom biss baqa’ għaddej bl-erba’ l-oħra, tliet adulti u ferħ, inqatlu u nġabru mill-baħar. Il-Qorti tal-Maġistrati mhux biss ikkundannatu sena ħabs iżda skwalifikatlu wkoll mill-liċenzja tal-kaċċa għal għomru, deċiżjoni li baqgħet fis-seħħ anke mill-Qorti tal-Appell.

Zammit appella mis-sentenza għax fost oħrajn sostna li seta’ kien hemm persuni oħra fil-ponta tal-Qawra. Madankollu fuq dan il-Qorti qalet li fl-istqarrija lill-Pulizija, l-akkużat ma qalx li sema’ tiri oħra jew ra xi nies. Li kieku l-isparar sar minn xi ħadd ieħor tal-inqas wieħed jippretendi li Zammit kellu jisma’ xi ħoss f’dan ir-rigward.

L-unika ħaġa li semma Zammit hu li x’ħin kien qed jgħum ra dgħajsa u jipprova u allega li teżisti l-possibilità li kien spara fuq il-fjammingi min kien fuq din id-dgħajsa. Il-Qorti qalet li din id-dgħajsa ma kien ra ħadd ħlief Zammit. L-Imħallef Camilleri qal ukoll fis-sentenza tiegħu li mix-xhieda ta’ persuna li kienet fuq il-post, u li kien qed josserva t-tjur, kien Zammit li spara lejn il-fjammingi.

Għaldaqstant qalet il-Qorti hi kkonfermata li kien Zammit li spara u qatel l-ispeċi. Fuq il-piena Zammit ilmenta li l-Qorti tal-Maġistrati ma qiesitx li huwa kien għad kellu 23 sena meta seħħ il-każ u li ma kienx hemm impatt fuq l-istatus tal-konservazzjoni protetta.

Dwar dan il-punt, l-Imħallef Camilleri rrimarka li jidher li l-fjammingi mhix speċi fil-periklu ta’ estinzjoni u għalhekk l-impatt tar-reat fuq l-ispeċi kien wieħed baxx. Il-fatt ukoll li dawn l-għasafar huma migratorji, għandhom impatt baxx fuq il-bilanċ ekoloġiku fuq iż-żona fejn ikun seħħ ir-reat. Kien għal din ir-raġuni li waqt li kkonfermat l-ħtija ta’ Zammit il-Qorti naqqset il-piena sena ħabs għal waħda ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn. Għal Zammit deheru l-Avukati Edmond Cuschieri u Alex Miruzzi.