Lokali

Owen Bonnici ‘iwieġeb’ dwar il-PBS, l-Isptarijiet u Rosianne Cutajar

Mhux kwistjoni ta’ responsabbiltà.

Hek sostna l-Ministru Owen Bonnici responsabbli fost l-oħrajn mix-Xandir tal-Istat meta t-Tnejn filgħodu Net News staqsa lill-Ministru dwar min refa l-konsegwenzi ta’ għemilu jew in-nuqqas ta’ dan wara li l-Qorti kkundannat l-aġir tal-Awtorità tax-Xandir u tal-PBS.

Dan hekk kif fis-27 ta’ Frar, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-PBS ma mexiex b’imparzjalità fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista …u kien hemm żbilanċ waqt il-bulettin tal-aħbarijiet.

Iżda meta mistoqsi dwar dan il-Ministru Bonnici sostna li l-Gvern irid jibqa’ jaħdem biex jikseb il-fiduċja.

U meta mistoqsi dwar min refa’ responsabbiltà huwa insista li għandhom jitgħalmu t-tgħalimiet li hemm bżonn.

Intant, Net News staqsa wkoll lill-Ministru Owen Bonnici  jekk hux komdu bid-Deputat Rosianne Cutajar bħala Membru Parlamentari Laburista… b’Owen Bonnici jibqa’ tal-fehma…li jaħrab id-domanda u jfarfarha fuq il-Prim Ministru Robert Abela.

Iżda l-Ministru Owen Bonnici baqa’ jinsisti li huwa jaqbel ma’ dak li qal il-Prim Ministru dwar Cutajar…jiġifieri li mhux se jieħu passi fil-konfront tagħha.

Passi li ma ttieħdux, simili għal dan il-każ, anke fl-iskandlu tad-deals frawdolenti ta’ Vitals u Steward li xahar u tlett ijiem wara s’issa għadu ħadd ma refa’ responsabbiltà ta’ għemilu…b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro jinsterqu minn but il-poplu.

Filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għadu f’muta assoluta, ħadd mill-Prim Ministru ‘l isfel għadu ma’ refa’ xi tip ta’ responsabbiltà politika.

Net News staqsa lill-Ministru Owen Bonnici propju dwar ir-responsabbilta…bil-Ministru jisħaq li tmur għand min tmur jgħidlek li huwa sodisfatt bis-servizz tas-saħħa li qed jipprovdi l-Gvern….iżda meta mistoqsi għalfejn ħallew it-trasferiment bejn Vitals u Steward – trasferiment kkundannat mill-Qorti nfsiha…u jekk kienx jaf bil-kontenut tal-ftehim qabel ma ta l-endorsement li tkellem dwaru l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat…huwa insista li dan kollu diġà tkellmu fuqu.

L-ammissjoni li Kabinett sħiħ approva dan it-trasferiment minkejja li sar wara darhom waslet ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu ftit tal-jiem ilu.

Analisti politici u diversi ġurnali qed jinsistu li dan l-aġir ipoġġi lill-Membri tal-Kabinett ta’ dak iż-żmien uħud minnhom Ministri attwali…u saħansitra Prim Ministru…bħala kompliċi f’politika li ġabet biss l-interessi tal-but tal-qalba l-ewwel u qabel kollox.