F’Iżrael, il-Prim Ministru Benyamin Netanyahu keċċa lill-Ministru tad-Difiża Yoav Gallant.
Dan wara li l-istess Ministru sejjaħ biex, f’isem l-għaqda nazzjonali, titwaqqaf il-liġi għar-riforma fil-Qrati – liema riforma qed taqsam l-opinjoni pubblika fil-pajjiż.
F’Tel Aviv u f’Ġerusalemm, aktar minn 600,000 persuna niżlu fit-toroq biex jipprotestaw quddiem ir-residenza tal-Prim Ministru Iżraeljan, kontra t-tkeċċija tal-Ministru. Il-pulizija kellhom jużaw kanuni tal-ilma biex jimbuttaw lin-nies lura mir-residenza ta’ Netanyahu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Yair Lapid attakka d-deċiżjoni ta’ Netanyahu, u sostna li “l-Prim Ministru jista’ jkeċċi lill-ministru, iżda ma jistax iwarrab ir-realtà tal-poplu ta’ Iżrael li qed jirreżisti l-ġenn tal-maġġoranza”.
Minkejja l-protesti, l-intenzjoni tal-gvern hi li jibqa’ għaddej bir-riforma tal-Qrati, qabel il-waqfa tal-Parlament għall-vaganzi tal-Għid.
Il-kap tal-kumitat parlamentari li jiddeċiedi dwar il-liġijiet qal li d-diskussjonijiet se jkomplu it-Tnejn biex jeżaminaw il-kwistjoni ewlenija tal-Kumitat għall-ħatra ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema. L-għan ta’ Netanyahu huwa li jġib il-membri tal-Kumitat għal 11, minflok 9 kif qiegħdin illum, u jiżgura li l-maġġoranza tkun ta’ membri maħtura politikament.
Intant l-Istati Uniti tinsab imħassba ħafna dwar l-iżviluppi li għaddejjin f’Iżrael. Il-kelliem tal-Kunsill tas-Sigurtà John Kirby qal dan meta kkummenta dwar it-tkeċċija tal-Ministru tad-Difiża Iżraeljan.
//= $special ?>