Lokali

Storja ġdida terġa’ tqajjem inkwiet intern fil-Korp tal-Pulizija

"Il-Kummissarju tilef kull kontroll"

Ir-ritratt ta’ uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija li kien preżenti għal party li organizzat id-deputat Laburista Rosianne Cutajar kompla kabbar il-ferment li hemm bħalissa fl-istess Korp. Dan hekk kif is-sit NetNews.com.mt għandu sorsi ta’ min jorbot fuqhom illi l-Kummissarju kien jaf b’dak li seħħ, u ma għamel xejn apposta biex jeħles minn dan l-uffiċjal bil-pulit.

U allura, nies fil-Korp qed jgħidulna li dan huwa każ ieħor fejn Angelo Gafa, minflok idur għal dawk akkużati b’korruzzjoni u tixħim, qed idur “fuq iż-żgħir”. L-istess bħalma għamel fil-każ ta’ Mark Camilleri.

L-istorja ta’ Ramon Mercieca

Kien il-blog tal-istess Camilleri li fl-aħħar sigħat żvela provi li juru kif għall-gender reveal party li organizzat Rosianne Cutajar, kien hemm preżenti d-Deputat Kummissarju Ramon Mercieca (ritratt).

Il-ġurnalist fil-blog tiegħu ppubblika ritratt ta’ Mercieca f’dan l-istess festin, illi fih id-deputat Laburista ħabbret li se jkollha tifla.

Hu mifhum li Angelo Gafa kien jaf b’dan kollu u ma għamel xejn. Bis-sorsi tagħna jinsistu li dan kollu seħħ sabiex il-Kummissarju jeħles minnu bil-pulit. Dan għaliex issa, il-pożizzjoni ta’ Mercieca mhix aktar tenibbli.

“B’dan il-mod il-Kummissarju taparsi se juri li qed jagħmel xi ħaġa. Iżda fil-konfront ta’ Rosianne baqa’ mitt pass lura”, qalilna uffiċjal għoli tal-Korp.

“Kien ilu imqabbad ma’ Mercieca, u sab din l-okkażjoni perfetta”, qalilna Pulizija ieħor. Filwaqt li sors ieħor mid-Depot insista li l-Kummissarju “tilef kull kontroll u qed jitfa’ stress fuq kulħadd”.

Kif ma għamel xejn dwar Rosianne Cutajar?

Din l-aħħar storja mill-qalba tal-Korp tal-Pulizija kompliet iżżid il-ferment li hemm bħalissa lejn it-tmexxija tal-Korp.

Ħafna għadhom ma jistgħux jifhmu kif Angelo Gafa baqa’ ma għamel xejn dwar il-fatti ġodda li ħarġu miċ-chats li ġew ippubblikati l-ġimgħa li għaddiet, speċjalment l-influwenza qawwija li kellu n-negozjant Yorgen Fenech fuq deputat Parlamentari – b’rigali u flus li għaddew lil Rosianne Cutajar, kif ammetiet hi stess. Dan meta diġa’ kien magħruf illi Fenech hu s-sid ta’ 17 Black.