Sport Sport Ieħor

Titħabbar il-mewt tal-ġurnalist tal-isports Taljan Gianni Minà

Fl-Italja tħabbret il-mewt tal-ġurnalist tal-isport Gianni Minà. Meqjus bħala d-dekan tal-ġurnaliżmu stampat u televiżiv, imwieled fl-1938 f’Turin minn familja ta’oriġini Sqallin, Minà beda l-karriera fl-1959 ma’ TuttoSport fejn sal-1998 kien ukoll editur.

Mill-Olimpijadi ta’ Ruma fl-1960, beda l-kontribuzzjoni mar-RAI fejn matul il-karriera pproduċa programmi li l-qofol tagħhom kienu intervisti esklussivi fosthom Blitz u l’Altra Domenica. Programmi li matulhom ma kienx biss ristrett għall-isport iżda b’firxa ta’ intervisti fosthom Fellini, Edoardo de Filippo, Enzo Ferrari kif wkoll dokumentarji ta’ livell ma’ Fidel Castro, Che Quevara, Maradona, Edwin Moses u Pietro Mennea.

Ir-rabta tiegħu tibqa’ mal-leġġendarju Cassius Clay li wara sar Mohammed Ali u d-dokumentarji dwaru li pproduca.

Elett fl-2003 fl-assemblea tal-awturi Taljani, matul il-karriera ħadem mal-ġurnali La Repubblica, Unita’ u Corriere della Sera. Gianni Minà iżda jibqa’ mfakkar għal mod kif irrakkonta l-isport u l-ħajja fl-isport.

Gianni Minà flimkien mal-ġurnalist ta’ Media.Link Communications Charles Camenzuli