Internazzjonali

Wara t-tornadoes fl-Stati Uniti: Il-ħajja mhix se tibqa’ l-istess għal għexieren ta’ familji

Mijiet ta’ familji għadhom  jippruvaw isalvaw li jistgħu mill-affarijiet personali u oġġetti prezzjużi huma u jfittxu qalb id-djar li nqerdu totalment mit-tornadoes ta’ tmiem il-ġimgħa…Tornadoes li qasmu mill-Istati ta’ Mississippi u Alabama b’veloċità ta’ aktar minn 130 kilometru fis-siegħa.

L-agħar inħawi milqutin jinsabu f’Mississippi fejn qed tasal l-għajnuna urġenti fuq livell federali u li tirrifletti l-impatt katastrofiku tat-tornadoes li – skont l-aħħar kalkuli – irriżulta f’talanqas ħamsin mejtin fiż-żewġ Stati.

It-tornadoes – jew ‘twisters’ – huma fost l-aktar elementi vjolenti tal-maltemp  li jiġġeneraw it-tromb tal-arja massiċċi u qawwija biżżejjed biex jeqirdu d-djar u l-infrastruttura.

Filwaqt li t-tornadoes laqtu fi tmiem il-ġimgħa, huwa ċert li l-ħajja għar-residenti ta’ Mississippi u l-ibnadi milqutin f’Alamaba mgħandhiex tirritorna dalwaqt għan-normal. Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi qed jistennew li jtellgħu aktar vittmi waqt tfittxija intensiva qalb il-bini mfarrkin ta’ diversi komunitajiet.

Dan meta f’Mississippi nfetħu x-xelters ġodda fil-counties ta’ Sharkey, Monroe u Humphreys għar-residenti li tilfu djarhom b’kollox fit-tornadoes.

Intant, il-President Amerikan Joe Biden qal li qed jitlob għall-vittmi tat-tornadoes u biex jinstabu n-nies irrappurtati nieqsa f’Mississippi u Alabama. Hu sostna li l-appoġġ federali għandu jkompli jasal lill-komunitajiet li qed jistejqru mill-impatt tal-maltemp devastanti.