Lokali Qorti

14-il sena u sitt xhur ħabs u multa ta’ €20,000 fuq traffikar ta’ 9.8 kilos kokaina

Marta Chanelys Liranzo Duval ta’ 20 sena ġiet ikkundannata 14-il sena u sitt xhur ħabs flimkien ma’ multa ta’ €20,000 li jekk ma tithallasx puntwalment tiġi konvertita f’terminu ta’ sena prigunerija fuq traffikar u pussess ta’ 9.8 kilos droga kokaina u droga oħra.

Iż-żagħżugħa ammettiet flok għaddiet ġuri quddiem l-Imħallef Consueloi Scerri Herrera talli nhar l-13 ta’ Settembru, 2020, u anka matul il-granet ta qabel f’Malta u barra minn dawn il-Gżejjer assocjat ruħa ma xi persuna jew persuni sabiex tbiegħ id-droga.

Duval kienet tressqet il-Qorti flimkien ma’ mara ta’ 25 sena li isimha ma setax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, nstabet ħatja wkoll ta’ importazzjoni ta’ droga f’ammonti li juru li mhumiex għal użu personali. Iż-żewġ Spanjoli kienu nqabdu waqt operazzjoni mill-uffiċjali tad-dwana fl-ajruport malli waslu b’titjira minn Madrid.

Id-dwana kienet qalet li waħda mill-imputati kellha aktar minn disa’ kilogrammi ta’ droga kokaina moħbija f’qiegħ falz ta’ bagalja. Il-persuna l-oħra kellha ammont żgħir ta’ cannabis u ecstacy. Id-droga nstabet f’qiegħ falz li kellha l-bagalja.

Meta tressqet il-Qorti, Duval, li hija mwielda Barċellona u li m’għandhiex indirizz fiss Malta, kienet wieġebet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. L-Avukata Leontine Calleja, li dehret għall-mara, kienet qalet li se tkun qed tesplora mod biex jintlaħaq ftehim mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Prosekuzzjoni kienet ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-imputata, bid-Difiża titlob li l-imputata tingħata biss l-ammont permess mil-liġi. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni, u ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-mara. Id-Difiża ma kinitx għamlet talba għal ħelsien mill-arrest meta tressqet, però talbet lill-Qorti biex tiġi eżaminata minħabba li kienet tqila.

Id-Difiża kienet talbet li jkun hemm divjett fuq isem il-mara, minħabba li qed tikkopera mal-Pulizija. L-Uffiċjal Proskeutur ikkonferma li qed tipprova tgħin. Il-Qorti tal-Maġistrat kienet ħadet inkunsiderazzjoni t-talba tad-Difiża, u ordnat li isem l-imputata li dak iż-żmien kellha 25 sena ma jixxandarx. Din il-mara kienet twieldet l-Andorra.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Steven Ryan Micallef, bl-Avukat tal-Għajnuna Legali Leontine Calleja dehret għal Duval. Sadanittant il-ħatja kienet ordnata wkoll tħallas is-somma ta’ €5,955.21c, rappreżentanti ta’ l-ispejjeż tal-esperti mqabbda mill-Qorti f’dan il-proċess.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-oġġetti kollha li dwarhom sar ir-reat u l-konfiska favur il-Gvern ta’ kull flejjes jew proprjetà mobbli u immobbli oħra tal-hatja. Ingħad ukoll li jekk l-ispejjeż ma jitħallsux fi żmien 15-il jum mid-data tas-sentenza jiġu konvertiti f’terminu ta’ priġunerija skont il-liħi.

Finalment, sakemm l-Avukat Ġenerali ma tindikax b’nota, li għandha tiġi preżentata fi żmien 15 il-jum mid-data tas-sentenza, li d-droga esebita hija meħtiega għal konnessjoni ma’ xi proċeduri kriminali oħra kontra terzi persuni, id-droga kollha esebita u l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu magħha għadnhom jigu distrutti.