Sport Sport Ieħor

Blackball: Tliet plejers Maltin ikomplu javvanzaw fil-kategorija tal-individwali

It-tieni ġurnata tal-European Blackball Association Nations Cup 2023 fi Bridlington kienet riservata għall-kompetizzjonijiet individwali. Diversi plejers Maltin ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni fuq bażi knock-out.

Fil-kategorija Men’s intlagħabu xejn inqas minn 224 logħba li kienu maqsuma mill-ewwel sat-tielet round. Irnexxielhom jaslu sal-fażi li jmiss, Owen Amato li għada jilgħab kontra l-Iskoċċiż Jamie Burnett filwaqt li Stephen Mangion jilgħab kontra l-Ingliż Ben Rodgers. Amato elimina lill-Irlandiż Graham Murrin 5-2 u lill-Olandiż Bert Willemsen 5-2 filwaqt li Mangion għeleb lil Awstraljan Luke Jowett 5-0 u l-Iskoċċiż Ryan Fleming 5-2.

Fil-kategorija Seniors, Lee Grima li għeleb lill-Awstraljan Dale Land 5-1 u lill-Malti Antoine Aquilina 5-2 sabiex għadda għar-rawnd li jmiss.

Fil-kompetizzjoni tat-timijiet fil-Men’s, it-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Clevion Micallef jilgħab kontra Ġibiltà, Messiku u l-Afrika t’Isfel.

Fil-kategorija tas-Seniors, Malta immexxija minn Philip Gatt tilgħab kontra l-Katalunja u l-Iskozja.