Atletika Sport

Dillon Cassar u Lisa Marie Bezzina jirbħu r-Road Running Series Malti b’rekord nazzjonali

Mellieħa u Pembroke Athleta huma ċ-Champions l-ġodda tal-Klabbs

Dillon Cassar ta’ Mellieħa AC u Lisa Marie Bezzina ta’ Pembroke Athleta huma r-rebbieħa tar-Road Running Series meta rebħu r-raba’ u l-aħħar tellieqa b’prestazzjoni eċċellenti, biż-żewġ atleti jistabbilixxu rekord nazzjonali ġdid.

Ir-Road Running Series, organizzat minn Athletics Malta, wasal fi tmiemu b’tellieqa ta’ 5k f’Marsaskala, u l-unuri kollha kienu għadhom miftuħa.

Dillon Cassar rebaħ it-tielet minn erba’ tlielaq b’rekord nazzjonali ġdid ta’ 14:41, sitt sekondi quddiem Luke Micallef (Pembroke) li stabbilixxa t-tieni l-aqwa ħin f’pajjiżna. B’hekk, Cassar rebaħ is-Serje quddiem l-istess Micallef. Simon Spiteri (St. Patrick’s) temm it-tielet, kemm f’Wied il-Għajn kif ukoll fil-klassifika ġenerali.

Is-Serje tan-nisa kellha tmiem mill-aktar eċitanti b’rebħa sorpriża minn Lisa Maria Bezzina meta kisbet it-tieni rebħa tagħha minn erba’ tlielaq. Roberta Schembri ta’ Evolve, rebbieħa taż-żewġ itlielaq l-oħra, temmet fit-tieni post ġenerali wara li f’Marsascala daħlet it-tielet. Joelle Cortis, li għelbet lill-istess Schembri għat-tieni post f’din it-tellieqa, temmet fit-tielet post fil-klassifika ġenerali.

Għall-atleta veterana Bezzina, ikkowċjata minn Ivan Rozhnov, ir-rebħa kien fiha ċelebrazzjoni doppja hekk kif il-ħin ta’ 17:15 fisser rekord nazzjonali ġdid fid-distanza.

L-aħħar tellieqa fissret ukoll għadd ta’ rekords oħra fil-kategoriji tal-etajiet rispettivi. Issa li ntemmu l-erba’ tlielaq tas-serje, Mellieħa AC u Pembroke Athleta ġew dikjarati champions tal-klabbs għal dan l-istaġun.

L-atleti ewlenin issa jdawru l-attenzjoni tagħhom għat-trakka bl-aħħar tħejjijiet għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ftit tal-ġimgħat oħra.