Futbol Sport

Doppjetta ta’ McTominay tagħti rebħa lill-Iskozja kontra Spanja

(Ritratt: EPA)

Skozja v Spanja 2-0

It-tieni doppjetta għal Scott McTominay din il-ġimgħa fil-kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 kienet biżżejjed sabiex l-Iskozja jiksbu rebħa sorprendenti kontra Spanja bl-iskor ta’ 2-0.

L-Iskoċċiżi ħasdu lil-avversarju tagħhom wara biss 7 minuti logħob meta l-midfielder ta’ Manchester United Scott McTominay fetaħ l-iskor b’konklużjoni kalma minn kross tad-difensur laterali Robertson.

Fil-51 minuta l-istess Scott McTominay xeħet ġewwa għad-doppjetta personali tiegħu minn kontrattakk veloċi ta’ Tierney li b’pass preċiż mix-xellug żmarka lil-midfielder u għeleb lil Kepa bla ebda diffikultà.

Turkija v Kroazja 0-2

Minn Grupp D, il-finalisti tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 għelbu l-aħħar sfida li kellhom għal dan ir-rawnd tal-kwalifikazzjoni kontra t-Turkija permezz ta’ doppjetta mill-midfielder ta’ Chelsea Matteo Kovacic.

Il-Kroati fetħu l-iskor wara 20 minuta logħob meta l-midfieder Matteo Kovacic għeleb lil Mert Gunok b’xutt fil-baxx fir-rokna tal-lemin minn pass ta’ Pasalic.

Matteo Kovacic kiseb id-doppjetta personali tiegħu meta rdoppja l-iskor ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’konklużjoni angolata minn ġol-kaxxa l-kbira.

Il-Kroati rnexxielhom iżommu l-pusses tal-partita u bl-ebda gowl fit-tieni taqsima kkonfermaw l-ewwel rebħa tagħhom fil-fażi tal-kwalifikazzjoni għall-EURO 2023.

Ġorġja v Norveġja 1-1

Minn Grupp A, In-Norveġja ġew miżmuma minn Ġorġja bl-iskor ta’ 1-1 hekk kif sofrew gowl fit-tieni taqsima.

In-Norveġja fetħu l-iskor wara 15-il minuta minn konklużjoni ta’ Alexander Sorloth minn barra l-kaxxa.

Ġorġja kisbu d-draw fis-60 minuta permezz ta’ Georges Mikautadze li sab ix-xibka minn suġġeriment ta’ Kvirkvelia.

Riżultati:

Grupp A: Ġorġja v Norveġja 1-1, Skozja v Spanja 2-0
Grupp D: Turkija v Kroazja 0-2, Wales v Latvja 1-0
Grupp I: Kosovo v Andorra 1-1, Rumanija v Belarus 2-1, Svizzera v Iżrael 3-0