Lokali

ĠIMGĦA MILL-ĦRUĠ TAĊ-CHATS: Robert Abela għadu lanqas biss kellem lil Rosianne Cutajar

Kienet qed tirreferi għalih meta lil Yorgen qaltlu "jitħanżru"?

Wara l-fatti ġodda li ħarġu miċ-chats bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, il-Prim Ministru għadu lanqas biss tkellem mad-deputat tiegħu.

Dan ikkonfermah hu stess barra Kastilja, meta affaċjat mill-ġurnalisti tat-Times.

U filwaqt illi stqarr li “ħadd mhu akbar mill-partit”, Robert Abela baqa’ jgħid li Rosianne Cutajar diġa’ refgħet prezz politiku għall-azzjonijiet tagħha.

Fi stqarrija, il-PN qal illi jekk tassew jemmen li ħadd mhu akbar mill-pajjiż, Robert Abela għandu minnufih ikeċċi lil Rosianne Cutajar mill-Grupp Parlamentari tal-Labour. “Jekk ma jagħmilx hekk, Robert Abela ikun qed jikkonferma li hu taħt rikatt u kkontrollat mill-klikka li ilha għal dawn l-aħħar 10 snin titħanżer minn fuq pajjiżna”.

Mat-Times, Robert Abela insista fuq il-fatt li dawn iċ-chats seħħew fl-2019; u allura qal li hu dak iż-żmien ma kienx Prim Ministru. Għalkemm ma qalx li kien diġa’ deputat u anke konsulent ta’ Joseph Muscat f’Kastilja.

Apparti minn hekk, Abela baqa’ jattakka l-fatt li ħarġu dawn iċ-chats. B’analisti politici jgħidu li l-Prim Ministru m’għandux triq oħra għajr li jiddefendi lil Cutajar, għaliex anke hu f’dak il-perijodu kien qed jiffanga b’aktar minn paga waħda – fosthom il-kuntratt ta’ eluf illi kellu mal-Awtorita tal-Ippjanar.