Lokali Parlament

Id-drittijiet fundamentali prijoritá; iridu dejjem jibqgħu salvagwardjati

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal fil-parlament li d-drittijiet fundamentali huma prijoritá u għalhekk dejjem iridu jibqgħu salvagwardjati.

Hu kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar proposta li biha l-gvern irid jestendi l-possibbiltà ta’ arrest minn 48 siegħa għal ħamest ijiem u nofs f’każi li jġorru magħhom piena ta’ iktar minn 12-il sena ħabs.

Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-individwu jkunu salvagwardjati u qal li l-argument dejjem kien li l-pulizija għandhom ikunu mgħammra bl-aqwa apparat waqt l-investigazzjonijiet iżda qatt m’għandha tixxekkel il-libertà tal-bniedem.

Hu semma’ l-police bail u qal li dan għandu ħafna benefiċċji għas-soċjetà . Fl-aħħar 20 sena din is-sistema tal-police bail ma kinitx sfidata, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-proposta li ż-żmien tal-estenzjoni tal-arrest għal perjodu daqshekk twil toħloq diffikultajiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li normalment il-qorti tagħti estenzjoni ta’ żmien għall-arrest biex jitkomplew l-investigazzjonijiet tal-pulizija u kompla li Maġistrat issa se jkun jkun konfrontat b’sitwazzjoni li jekk ma jestendix iż-żmein tal-arrest, min wettaq id-delitt ma jinqabadx.

Hu kompla li jeħtieġ attenzjoni kbira kif tiddaħħal din is-sistema ta’ estenzjoni tal-arrest u spjega kif kien irrifjuta li jiddaħħlu dawn il-miżuri meta kien ministru.

Dan għaliex fil-passat, fis-sebgħinijiet u fit-tmeniijiet taħt gvernijiet Laburisti, kien hemm każi ta’ tortura minn pulizija waqt arresti li wasslu biex persuni arrestati jispiċċaw jammettu li wettqu delitti li ma jkunux wettqu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għal min hu ċittadin normali, siegħa arrestat hi ħafna għaleix dawn ikunu persuni ġenwini li jibżgħu meta jkunu arrestati u mpoġġija f’ċella.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din il-proposta tħajjar biex uffiċjali tajbin u kapaċi fil-pulizija, flok jagħmlu użu mit-teknoloġija moderna u abbilitajiet ta’ investigazzjoni, jagħżlu din it-triq qasira ta’ estenzjoni tal-arrest.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-liġi ssir aħjar milli hi fejn ikunu magħżula numru ta’ delitti speċifiċi dwar estenzjoni fl-arrest u ssir rabta tagħhom iżda m’għandhiex tkun sempliċiment marbuta ma’ kazi ta’ iktar minn 12-il sena. L-estenzjoni għandha ssir biss għal każi eċċezzjonali fosthom terroriżmu, f’investigazzjoni dwar delitti ta’ kriminalità organizzata bejn pajjiżi differenti u f’investigazzjonijiet anti-mafja.