Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni minnufih u jagħmel ‘tindifa politika’

Dak li qed iseħħ bħalissa qed jerġa’ jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għalhekk għandha tittieħed azzjoni immedjata u verament issir ‘tindifa politika’.

Stqarrija oħra iebsa tasal mill-Kamra tal-Kummerċ fejn qed tappella lill-poplu biex tagħti każ ir-riperkussjonijiet serji tan-nuqqasiijiet fit-tmexxija tal-Gvern u imġiba mhux etikament korretta mill-politiċi li bħalissa qed jirrenjaw fil-pajjiż.

Il-Kamra tappella sabiex persuni pubbliċi jagħtu każ tal-fatt li, irrispettivament għad-dritt li jkollhom ħajja privata… fejn ikun hemm aġir mhux etikament korrett, il-pożizzjoni tagħhom ma tibqax waħda tenibbli. U huwa għalhekk li l-politiċi jridu jżommu standards ta’ imġieba tajba kemm fil-ħajja pubbliku kif ukoll f’dik privata.

Il-Kamra tal-Kummerċ tinsab iddispjaċuta li dak kollu li qed iseħħ bħalissa qed iwassal biex tittappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Tistqarr li dan kollu ma jirriflettix tajjeb fuq dawk il-politiċi li dejjem imxew ma’ standards etikament korretti u li baqgħu jaħdmu sabiex verament iġibu l-interessi tal-poplu l-ewwel u qabel kollox.

L-artiklu jkompli jgħid li l-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna taffettwa l-investiment li jattira pajjiżna. Dan peress li din l-imġiba ssaħħaħ standards etiċi foqra fost il-ġenerazzjonijiet futuri.   

Il-pajjiż kollu qed jispiċċa jħallas prezz għal dawk li l-Kamra tal-Kummerċ issejħilhom kummiedji fl-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Għalhekk quddiem dan kollu, il-Kamra qed tappella lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż biex jieħdu azzjoni minnufih u verament issir ‘tindifa politika’.