Internazzjonali

Il-Messiku: Ċentru għall-immigranti maħkum min-nirien qattiela

Mietu l-għexieren tan-nies waqt nirien li ħakmu ċentru għall-ipproċessar tal-immigranti fil-belt ta’ Ciudad Juarez, li tmiss mal-fruntiera Messikana mal-Istati Uniti.

L-awtoritajiet qalu li tilfu ħajjithom talanqas 40 persuna u mistenni li ċ-ċifra tal-vittmi għandha titla’ b’riżultat tal-investigazzjonijiet fl-inħawi.

Mifhum li meta qabdu n-nirien fiċ-ċentru kien hemm talanqas 70 raġel mill-Amerika t’Isfel u l-Amerika Ċentrali li kienu qed jistennew l-ipproċessar tad-dokumenti tagħhom.

Il-katavri tal-vittmi, wara nħarġu mill-kumpless, fil-body bags u tpoġġew fuq il-bankina ta’ maġenbu.

Ingħad li l-immigranti inkwistjoni kienu twasslu f’dan iċ-ċentru wara li ‘inqabdu’ mill-awtoritajiet u, intant, ma kien hemm l-ebda ħjiel dwar x’seta’ ikkaġuna n-nirien qattiela. Fl-istess ħin, l-istampa Messikana qed tgħid li kien ‘qam l-inkwiet’ fiċ-ċentru ftit tal-ħin biss qabel in-nirien – u meta ħafna mill-vittmi x’aktarx li huma immigranti mill-Veneżwela li kienu qed jippruvaw jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti.