Lokali

Il-PN jinsisti li Robert Abela għandu jkeċċi lil Rosianne Cutajar

Wara jiem sħaħ jiddefendi lil Rosianne Cutajar u dak li ġie żvelat minn chats mas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, Robert Abela issa qed jilgħab bil-kliem billi jgħid li ħadd mhu akbar mill-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jqis din l-istqarrija ta’ Robert Abela bħala każ ċar ta’ ftit ħafna u tard wisq u li tikkonferma kemm Robert Abela hu dgħajjef quddiem Rosianne Cutajar.

Jekk tassew jemmen li ħadd mhu akbar mill-pajjiż, Robert Abela għandu minnufih ikeċċi lil Rosianne Cutajar mill-Grupp Parlamentari tal-Labour. Jekk ma jagħmilx hekk, Robert Abela ikun qed jikkonferma li hu taħt rikatt u kkontrollat mill-klikka li ilha għal dawn l-aħħar 10 snin titħanżer minn fuq pajjiżna.

Din hi l-istess klikka li matul l-aħħar 10 snin ħolqot kultura ta’ impunità, li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li issa qed tagħmel minn kollox biex titfa’ lill-ġurnalist Mark Camilleri l-ħabs talli, bil-provi, kixef il-verità dwar ir-rabta b’saħħitha li teżisti bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech.