Internazzjonali

Ir-Russja: Thedded lill-Punent bil-missili ħipersoniċi

Ir-Russja qed tkompli bir-retorika aggressiva fil-konfront tal-Punent u fejn mill-ġdid insistiet dwar id-dritt li tuża l-armamenti għall-qerda tal-massa kontra l-pajjiżi li qegħdin jgħinu lill-Ukrajna biex tirreżisti l-invażjoni mill-qawwiet tal-Kremlin.

L-aħħar theddid ġej mingħand Nikolai Patrushev,  il-Konsulent Ewlieni tas-Sigurtà mal-President Russu Vladimir Putin u li llum qed joħroġ aktar bħala ‘il-vera moħħ’ wara l-invażjoni illegali tal-artijiet Ukreni.

Patrushev hu fost l-uffiċjali u propagandisti tal-Kremlin li qed jirrankaw it-tensjoni fir-reġjun partikulari u li qed jidhru mgħaddbin ferm għad-disfatti tal-militar Russu waqt il-battalji li għaddejjin bħalissa fl-Ukrajna.

Is-sitwazzjoni anki qed iżżid l-ansjetà tal-Mexxejja fil-Punent fost il-messaġġi speċifiċi ta’ Moska rigward il-potenzjal veru ta’ Tielet Gwerra Dinjija….Gwerra li skont ir-Russi għandha tkun miġġielda bin-nukleari.

Intant, Patrushev – meqjus bħala konservattiv riġidu b’aġenda partikulari kontra l-Punent — qal li Vladimir Putin jinsab lest biex jeqred lill-Punent bl-armi nukleari ħipersoniċi f’każ li l-Alleati tal-Ukrajna jippruvaw jegħlbu u ‘jaqsmu lir-Russja f’partijiet differenti’ fuq l-istess stil bħal meta kien seħħ il-kroll tal-Unjoni Sovjetika fil-bidu tas-snin disgħin.

Fil-fatt, Patrushev, waqt intervista, insista li r-Russja għandha tassumi d-dritt biex tiddomina l-Ewropa bħala żvilupp inevitabbli ladarba jseħħ il-kollass tal-Unjoni Ewropea.

Nikolai Patrushev, li għandu 71 sena u li anki qed jissemma bħala ‘suċċessur potenzjali għal Putin’ fit-tmexxija tar-Russja, injora l-fatt li kien proprju Vladimir Putin li ħareġ direttiva għall-invażjoni brutali tal-Ukrajna fost it-theddid kontinwu ta’ gwerra globali oħra. Dan ukoll waqt li l-konsulent ta’ Putin qed jinsisti li r-Russja ‘taf teżerċita sens ta’ sabar filwaqt li mhi qed tindimida lil ħadd bis-superjorità militari tal-Kremlin’.